Sunday, December 22, 2024

Jiċċirkolaw filmati ta’ ħabsin jiċċelebraw fil-ħabs tar-Renju Unit u jaqilgħu flus minn fuq TikTok

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-ħsieb li wieħed imur il-ħabs huwa biex jirrifletti fuq dak li jkun għamel ħażin. Minkejja dan, priġunieri li qegħdin fil-ħabs tar-Renju Unit, is-sentenza tal-ħabs għalihom ma tfissirx riflessjoni, iżda divertiment bl-addoċċ u qligħ ta’ flus.

Dan hekk kif riċentament fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali TikTok, diversi ħabsin mir-Renju Unit qegħdin jaqilgħu l-flus minn filmati li qegħdin jippubblikaw huma stess biex juru x’inhi l-ħajja ta’ kuljum ta’ persuna li tgħix il-ħabs. F’wieħed mill-filmati li qed jiċċirkola, juri priġunieri jsajjru fiċ-ċelel tagħhom u jagħmlu użu minn diversi drogi, inkluż il-kannabis. Waħda mir-regola tal-ħabs tar-Renju Unit hija li priġunier m’għandux dritt għal mowbajl.

Minkejja li r-regola qiegħda hemm, il-priġunieri mhumiex qegħdin jobduha, anzi qegħdin jagħmlu użu ta’ spiss biex jaqilgħu lira minn fuq il-midja soċjali. Filmat ieħor juri priġunier kuntent li għandu kollezzjoni ta’ mowbajls fiċ-ċella tiegħu.

Fl-istess filmat intqal kif dan it-tip ta’ mowbajl jissejjaħ ‘Zanco’ u li jinbiegħ biss mill-priġunieri għal prezz ta’ £20. Fl-istess filmat intqal kif dan l-mowbajl ilu għal żmien twil ppreferut minn diversi ħabsin, minħabba l-fatt li peress li huma żgħar, jistgħu jinħbew faċilment.

Filmati oħra juru li fil- ħajja ta’ kuljum, il-ħabsin li qed jiskontaw sentenza fil- ħabs tar-Renju Unit ikunu diversi drabi fi stat ta’ diżordni. Jista’ jiġi nnotat ukoll li l-fatt li wieħed jixrob u li wieħed jieħu d-droga hija ħaġa normali bejniethom. F’filmat partikolari, priġunier minnhom jinstema’ jgħid li d-droga mhijiex ħażina għal ġisem tal-bniedem u li kienet hi li n-nies iġġibhom tajbin u b’saħħithom.

The Times, gazzetta nazzjonali Brittanika ibbażata f’Londra irrapportat li l-priġunier Sam Walker kien jagħmel użu minn TikTok. Huma qalu li fuq din il-pjattaforma rnexxielu jikkonvinċi 24,000 segwaċi biex isegwu l-filmati tiegħu. L-istess gazzetta qalet li dan kollu seħħ waqt li Walker kien qiegħed jiskonta sentenza fuq pusses ta’ kannabis. Ġie rrapportat li l-priġunier kien qed jagħmel qligħ ta’ £1,700 fix-xahar mill-filmati li kien itella’ fuq TikTok.

B’reazzjoni għal dawn il-filmati, kelliem għas-Servizz tal-Ħabs fir-Renju Unit qal li l-mowbajls huma pprojbiti milli jintużaw fil-ħabs minħabba li dawn jistgħu jiġu użati għal xi attività kriminali. Huwa qal ukol li dawk il-priġunieri li jinstabu bil-mowbajl fiċ-ċella tagħhom jew fuqhom, qegħdin iqattgħu aktar żmien fil-ħabs.

Ekonomija

Sport