Tuesday, May 14, 2024

Tallega li raġel stupraha f’lukanda f’San Pawl il-Baħar

Aqra wkoll

Turista li kienet fuq btala ma’ sħabha f’pajjiżna rrakkontat fil-Qorti kif allegatament sfat stuprata minn raġel f’lukanda li kien joqgħod fil-kamra ta’ maġenbhom.

Mark Wade Hopkins ta’ 50 sena mill-Amerika, tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca fejn kien mixli li wettaq stupru fuq mara. L-allegat każ seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

Waħda mill-ħbieb tagħha fakkret li qabel l-inċident, kienu raw lill-imputat fil-pixxina tal-lukanda u sa dak il-ħin ma kienu raw xejn stramb fl-imġiba tiegħu.
Is-Sibt filgħaxija, il-grupp ta’ ħbieb kienu marru f’bar f’San Pawl il-Baħar u l-imputat kien hemm ukoll. Xehdet li l-ewwel xorbu l-inbid u wara ħadu xi xorb ieħor. “Niftakar li skirna,” qalet ix-xhud fil-preżenza tal-imputat.

Xehdet ukoll l-allegata vittma permezz ta’ videoconference li rrakkontat kif dakinhar li seħħ l-inċident filgħaxija kienu rritornaw lura fil-lukanda wara party.
Qalet li waqt li sħabha kienu niżlu jixtru s-sigaretti, ir-raġel li kien joqgħod fil-kamra ta’ maġenbhom, mar ħdejha fil-kamra tagħha u wara spiċċaw fil-kamra tiegħu fejn qalet li hu kien imbottaha fuq is-sodda.

Allegat li l-impuat kien niżżlilha ħwejjiġha u messha b’mod intimu, u dan minkejja li hija kienet qaltlu biex jieqaf. Ix-xhud żiedet tallega li huwa iżda kompla sakemm waqaf meta sema’ xi ħsejjes mal-bieb tal-kamra.

Il-ħbieb tagħha xehdu li meta ħarġu għas-sigaretti kienu sabu l-ħwienet kollha magħluqa. Qalu li kienu ħadu sigarett minn uffiċjal tas-sigurtà li kien xogħol dak il-lejl u qagħdu jitkellmu miegħu.

Meta marru lura fil-kamra tagħhom, ma sabux lil ħabibthom hemm u għalhekk ħabbtu mal-bieb tal-imputat. “Ma kien hemm l-ebda ħoss,” qalet waħda min-nisa. Ftit minuti wara l-allegata vittma daħlet fil-kamra.

Għall-ewwel deher li ma kellha xejn iżda fi ftit sekondi hija waqgħet mal-art u wara allegat ma’ sħabha li kienet ġiet stuprata.

Wara li nstemgħu x-xhieda, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri fost oħrajn.

Id-Difiża argumentat li peress li x-xhieda prinċipali diġà xehdu qabel telqu minn Malta, ma kien hemm l-ebda xhieda ċivili oħra li għad iridu jixhdu. Madankollu, il-prosekuzzjoni rribattiet billi qalet li hemm persuni oħra ċivili li jridu jixhdu.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba fid-dawl tan-natura tal-akkużi u l-fatt li l-akkużat ma kellux rabtiet ma’ Malta.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Warren Galea megħjuna mill-Avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Darlene Grima u Danika M Vella.

Sport