Saturday, December 21, 2024

Jieħdu kważi €180,000 wara li ħadu tisbita f’lift ta’ lukanda

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Studenta universitarja ta’ 21 sena flimkien ma’ tliet persuni oħra, ingħataw kumpens li kważi jlaħħaq il-€180,000 wara li weġgħu kawża ta’ waqfa f’daqqa ta’ lift fis-Suncrest Hotel fil-Qawra. L-inċident seħħ meta dawn daħlu fil-lift fis-seba’ sular u minħabba malfunzjoni, waqaf f’daqqa b’konsegwenza li sofrew diżabilità permanenti. Filwaqt li dawn kienu diġà ngħataw kumpens fl-Ewwel Qorti, il-Qorti tal-Appell mhux biss reġgħet ikkonfermat il-kumpens, iżda żidietu b’mod aktar li ħasset li huwa xieraq għal li sofrew u “tilfu” l-vittmi, b’mod partikolari din l-istudenta universitarja bi prospetti sbieħ għall-futur.

Il-vittmi – Carmelo Ellul, Carmel Ellul, Brian Farrugia u Stephanie Ellul kienu alloġjati fil-lukanda “Suncrest Hotel” ġewwa l-Qawra meta weġġgħu u sofrew debilità permanenti huma u kienu qegħdin jagħmlu użu minn wieħed mil-lifts tal-lukanda li mmalfunzjona. 

Il-każ seħħ meta l-lift niżel b’veloċità eċċessiva u f’ħin minnhom waqaf ħesrem bl-attivazzjoni tal-brake ta’ emerġenza. Kien hawn li l-erba’ persuni sofrew ġrieħi li ssarfu f’diżabilità permanenti u riżultat ta’ dan fittxew lill-operaturi tal-lukanda AX Hotel Operations Limited u Suncrest Hotels p.l.c. għar-riżarċiment tad-danni. Għal dawn id-danni, l-AX Hotel Operations Limited u Suncrest Hotels ikkontestaw ir-responsabbiltà tal-akkadut u minflok sejħu lill-kumpanija Elmeein Limited, il-kumpanija inkarigata minnhom għall-manutenzjoni regolari tal-lift inkwistjoni. 

Mill-ewwel sema’ ħoss li m’għoġbux…

Minn sottomissjonijiet li saru fl-ewwel qorti, Carmel Ellul Snr. spjega kif meta huma daħlu fil-lift fis-seba’ sular tal-lukanda biex jinżlu fil-ground floor u għafsu l-buttuna, huwa mill-ewwel sema’ ħoss li m’għoġbux u f’daqqa waħda l-lift beda nieżel b’mod aċċellerat. Il-lift waqaf b’tisbita meta ingaġġa l-mekkaniżmu tal-emergency brake u l-persuni li kienu fil-lift dak il-ħin kellhom jinħarġu bl-assistenza ta’ impjegati tal-lukanda. 

Huwa spjega li l-għada tal-inċident, rappreżentanti ta’ Elmein Limited intalbu jmorru fil-lukanda biex jaraw x’seta’ kien li kkawża l-inċident u hemm ġie stabbilit li kien hemm xi cross-bars mgħawġin, għalkemm ix-xhieda li taw id-depożizzjoni tagħhom quddiem il-Qorti ma qablux bejniethom dwar jekk il-ħsara fil-cross-members kienx riżultat tal-inċident jew inkella jekk dawn tgħawġux biex setgħu jinħarġu l-atturi mil-lift wara l-inċident. 

Il-mara ta’ Carmelo Ellul Snr. spjegat li wara li l-erba’ vittmi ta’ dan l-inċident nħarġu mil-lift, hija semgħet lill-ħaddiem tal-manutenzjoni tal-lukanda jirrimarka mar-receptionist li huwa kien ilu jiġbed l-attenzjoni, presumibbilment tal-management, li l-lifts kienu waslu biex jinbidlu. Fil-fatt mill-provi jirriżulta li madwar sena wara l-inċident, f’din il-lukanda kien sar refurbishment estensiv u kienu nbidlu l-lifts kollha. 

Il-general manager tal-lukanda qal l-inċident seħħ għax il-lift waqaf fuq l-emergency brake u qal li meta jiskatta l-mekkaniżmu tal-emergency brake, “mhux suppost li jweġġgħu n-nies”. Mill-provi rriżulta li l-Inġinier Ray Spiteri intalab jagħmel rapport dwar l-inċident aktar minn sena u nofs wara li kien seħħ. Dan qal li hija safety feature tal-lift li meta lift jibda jaċċellera jew jaħdem b’veloċità li tkun tal-inqas 10% aktar min-normal, dan jingaġġa s-safety gear b’mod awtomatiku. 

“Il-lift inkwistjoni ma kienx l-aqwa tip ta’ lift li hawn fis-suq”

Dan ix-xhud qal ukoll li l-lift inkwistjoni ma kienx l-aqwa tip ta’ lift li hawn fis-suq, għalkemm qal li kien lift adegwat għall-użu kummerċjali. Kompla jgħid li minkejja dan, huwa kien ikkonstata li dan il-lift kien jikkonforma mal-istandards Ewropej. Dan ix-xhud qal li fattur li kkontribwixxa għal dan l-inċident kien il-fatt li l-lift ma kienx mgħammar b’compensating chain u spjega li wara l-inċident, il-liftijiet kollha installati minn Elmein Limited bdew jiġu bil-compensating chain maħsuba biex tgħin fit-traction f’każ li jinqala’ xi inċident simili għal dak odjern. 

Huwa kompla li l-lift kien mantnut b’mod regolari u kien ukoll iċċertifikat b’mod indipendenti. Fil-fatt, jirriżulta li ċ-ċertifikazzjoni ta’ dan il-lift kienet ġiet sottomessa lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il- Post tax-Xogħol, kif jirriżulta wkoll mill-provi. Dan ix-xhud eskluda li seta’ kien hemm użu ħażin tal-lift jew tagħbija aktar milli kien jiflaħ. 

Joseph Muscat, direttur tal-kumpannija Elmein Limited, spjega li l-kuntratt li l-kjamata fil-kawża kellha mas-soċjetajiet konvenuti kien jipprovdi għall-manutenzjoni regolari tal-lifts u għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom kull sitt xhur. Qal li l-brake tal-lift ma daħalx fil-ħin tal-inċident għax ma kienx hemm overspeeding biżżejjed. 

F’dan ir-rigward hemm nuqqas ta’ qbil bejn dak li xehed l-Inġinier Spiteri li qal li l-inċident seħħ meta ddaħħal il-mekkaniżmu tal-emergency brake u dak li xehed id-direttur Joseph Muscat. Dan ix-xhud qal li mill-jobsheets ippreżentati jirriżulta li l-lift inkwistjoni kien jiġi spezzjonat regolarment qabel seħħ l-inċident u l-aħħar spezzjoni fil-fatt kienet saret madwar tliet ġimgħat qabel l-inċident. Spjega li mill-istess jobsheets jirriżulta li l-cross-members li tgħawġu kienu inbidlu jumejn wara. Dan ix-xhud kien esprima tħassib tiegħu għall-fatt li l-machine room tal-lukanda kienet titħalla miftuħa u kulħadd kellu aċċess għaliha. 

Osservazzjonijiet mill-Qorti…

Qabdu ma’ pum li kien hemm fil-lift biex jevitaw li jaqgħu fl-art

L-Ewwel Qorti qieset li skont dak li kien jirriżulta mill-provi u minkejja l-fatt li jirriżulta li l-lifts in kwistjoni kienu jiġu mantenuti b’mod regolari, dan l-inċident ma kienx iseħħ li kieku mhux għax il-kumpaniji konvenuti, operaturi tal-lukanda in kwistjoni, naqsu mill-obbligu tagħhom li jaraw li t-tagħmir kollu tal-lukanda kien qiegħed jiffunzjona b’tali mod li ma jipperikolax is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni alloġġati fil-lukanda. 

Irriżulta mill-provi li hekk kif l-erba’ persuni alloġjati fis-Suncrest daħlu fil-lift u xi ħadd minnhom għafas il-buttuna li permezz tagħha indika fejn riedu jieqfu, huma mill-ewwel semgħu ħoss li ħassibhom, filwaqt li l-lift mill-ewwel beda jaċċellera ’l isfel. Tant huwa hekk li kemm Carmelo Ellul Snr., kif ukoll Stephanie Ellul xehdu li huma qabdu ma’ pum li kien hemm fil-lift biex jevitaw li jaqgħu fl-art. 

Eskluż l-użu ħażin mill-persuni li għamlu użu mil-lift

… Li l-lift kien wasal “kien minnu”

L-użu ħażin mill-persuni li għamlu użu mil-lift ġie eskluż anke mill-Inġinier Spiteri. Għalhekk, il-Qorti rat li ċertament ma jistax jintqal li f’dan il-lift kien hemm aktar persuni milli kien jiflaħ jew li dawn għamlu xi ħaġa li permezz tagħha pperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-lift. 

Irriżulta wkoll li t-tibdil tal-lifts kien inkluż fil-programm ta’ xogħlijiet ta’ refurbishment li saru fil-lukanda madwar sena wara l-inċident u għalhekk dan il-fattur waħdu jindika li dak li semgħet ix-xhud Josephine Ellul minn ħaddiem tal-maintenance, li l-lift kien “wasal”, kien minnu. Mill-provi rriżulta wkoll li ftit taż-żmien wara l-inċident fil-liftijiet kollha tal-lukanda ġie installat compensating chain, li ma kienx hemm qabel u dan biex jiġi assigurat li ma terġax tinħoloq sitwazzjoni fejn lift jitlef mit-traction tiegħu huwa u nieżel. 

Il-Qorti qieset ukoll li l-kumpanija Elmein Limited kienet il-fornitur tal-lift u l-entità li ħadet ħsieb tiċċertifika regolarment li dawn il-liftijiet kienu mantnuti kif suppost. Mill-provi jirriżulta wkoll li sa tliet ġimgħat qabel seħħ l-inċident, din il-kumpanija ċċertifikat li l-lift inkwistjoni kien fi stat tajjeb biex jintuża. 

Wara twaħħlet katina oħra fil-lift għal aktar sigurtà

Irriżulta wkoll iżda, li wara l-inċident inkwistjoni, ħaddiema tal-kumpannija Elmein sabu l-cross-members tal-lift mgħawġin u kellhom jibdluhom u wara l-inċident il-manifattur Spanjol kien irrakkomanda li titwaħħal compensating chain f’lifts bħal dak mertu ta’ dawn il-proċeduri. 

Il-Qorti qalet li, “ċertament li ma jistax jintqal li għax bejn l-atturi u s-soċjetà kjamata fil-kawża m’hemm l-ebda rapport kuntrattwali, din m’għandhiex twieġeb għall-akkadut. Ma jistax ikun li tliet ġimgħat wara li lift jiġi ċċertifikat tajjeb għall-użu, naturalment wara li jsiru testijiet rigorużi skont l-ispeċifikazzjonijiet f’dan il-qasam, iseħħ inċident bħall- inċident mertu tal-kawża”. Sostniet li jekk tabilħaqq l-inċident seħħ għax il-lift kien wasal biex jinbidel, min kien responnsabbli kellhom jiġbdu l-attenzjoni u mhux jiċċertifikawh li kien tajjeb biex jibqa’ jintuża. 

Irriżulta wkoll li wara li seħħ l-inċident, il-manifattur tal-lift inkwistjoni beda jirrakkomanda t-twaħħil ta’ compensating chain, li l-funzjoni tagħha hija biex tgħin fit-tnaqqis tat-traction f’każ li jinqala’ xi incident bħal dak odjern. Il-benefiċċju li lift ikun mgħammar b’din it-tip ta’ katina li sservi wkoll bħala kontra-piż, ġie spjegat lill-Qorti mill-Inġinier Spiteri. 

Fir-rigward il-Qorti staqsiet jekk huwiex possibbli li fis-snin kollha qatt ma kien irrakkomandat it-twaħħil ta’ katina bħal din biex tiżdied is-sigurtà tal-persuni li jużaw il-lift. Lift installat li f’dan il-każ huwa f’lukanda b’diversi sulari li ta’ kuljum jintuża minn mijiet ta’ persuni. Hawn il-Qorti qieset li Elmein ma għandhiex m’għandhiex x’taqsam mal-inċident. 

Miċħuda t-talbiet tal-lukandiera…

Rivedut il-kumpens tal-Ewwel Qorti

Fl-appell tagħhom AXHotel Operations Limited u Suncrest Hotels ikkritikaw is-sentenza li sabithom responsabbli għall-inċident iżda l-Qorti tal-Appell sabet li din il-kritika mhiex fondata. Spjegat li l-vittmi ma kienux klijenti ta’ Elmein u għalhekk il-liġijiet tal-konsumattur “ma jiċċentraw xejn” u l-inċident seħħ f’lift proprjetà tagħhom. 

Barra minhekk din il-Qorti żiedet li ma ressqu l-ebda provi dwar x’wassal għall-malfunzjonament tal-lift. Fis-sentenza ġie konkluż li, “il-lukandiera jibqgħu responsabbli għad-danni sofferti mill-atturi f’lift li kien taħt il-kustodja tagħhom. Lukandier li jaċċetta li jalloġja għandu persuna, għandu jassigura li l-lukanda ma toffri l-ebda periklu għall-alloġjat”.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talbiet tal-lukandiera u varjat is-sentenza fejn ordnat li d-danni likwidati mill-Ewwel Qorti, ordnat lill-AX Hotels Operations Limited u Suncrest Hotels minflok iħallsu lil Carmelo Ellul Sr. is-somma ta’ €2,560.00; lil Carmel Ellul Jr. €60,860.00; lil Brian Farrugia s-somma ta’ €9,636.00; u l-akbar kumpens ingħata lil Stephanie Ellul b’total ta’ €105,000. 

Dawn bl-imgħax legali mid-data tas-sentenza, bl-ispejjeż taż-żewġ istanzi jitħallsu minn AX Hotel Operations Limited u Suncrest Hotels p.l.c. 

Ekonomija

Sport