Il-kandidat Laburista, Oliver Scicluna, f’reazzjoni għar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, beda billi rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela: “Kburi li mxejt il-mixja kollha miegħek. Jien kuntent li Malta ser titkompla titmexxa minnek, Prim Ministru Robert Abela”.
F’messaġġ ieħor huwa rringrazzja lil dawk l-individwi kollha li emmnu fih matul il-kampanja elettorali tiegħu. Scicluna stqarr li matul il-kampanja ħadem u stinka kemm felaħ, u għalhekk m’għandux rimors. Anzi pjuttost jinsab onorat li kien “Parti minn din ir-rebħa storika”. Huwa għalaq it-tieni messaġġ tiegħu billi awgura lil sħabu li ġew eletti u oħrajn li għad iridu jiġu eletti.
Kmieni dalgħodu, huwa fakkar li dalgħodu Robert Abela ser jerġa’ jiġi maħtur Prim Ministru. Scicluna temm il-messaġġ tiegħu billi qal li għalih issa se jibdew jiem ta’ mistrieħ u jiem b’iżjed ħin mal-familja.