Sunday, December 29, 2024

Jiftħu l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2025

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li fetħu l-applikazzjonijiet għall-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika li ser ssir fis-27, fit-28 u fid-29 ta’ Marzu 2025. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online sas-27 ta’ Settembru 2024 fuq is-sit muzikamuzika.mt. L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi wkoll fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana nhar is-26 u s-27 ta’ Settembru 2024.

Il-Ministru Bonnici qal li għal sena oħra, Mużika Mużika rnexxielu jilħaq miri ġodda, u dan mhux biss fil-livell ta’ parteċipazzjoni imma wkoll fil-kwalità tal-kanzunetti u l-prestazzjonijiet mużikali li ġew ippreżentati. Saħaq li l-festival kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni għolja tiegħu fost il-komunità mużikali Maltija, jiġifieri l-kantanti, il-kompożituri, u l-awturi, li jaraw fih opportunità importanti biex jesprimu t-talent tagħhom fuq pjattaforma prestiġjuża.

Il-Ministru Bonnici rrikonoxxa wkoll l-appoġġ u l-entużjażmu mill-udjenzi li jsegwu dan il-festival bi ħġarhom, u li b’hekk jagħmlu Mużika Mużika avveniment kulturali ewlieni fil-kalendarju nazzjonali.

Festivals Malta ppreżentat ukoll t-trofej lir-rebbieħa tar-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika. L-edizzjoni li għaddiet intrebħet minn Maxine Pace bil-kanzunetta Mhux tal-Aħħar b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, u b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar. Kantera kklassifikaw fit-tieni post bil-kanzunetta Vjaġġ Sabiħ, kanzunetta b’kompożizzjoni ta’ Kantera u Micimago u b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia. Cliff Zammit Stevens klassifika fit-tielet post bil-kanzunetta Fil-Qrib b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u b’kompożizzjoni ta’ Philip Vella. Waqt l-istess ċerimonja ġew ippremjati wkoll il-Mro. Aurelio Belli għall-Aqwa Arranġament tal-Kanzunetta 3 ta’ Ġunju 2021, li ġiet interpretata minn Neville Refalo b’lirika u b’kompożizzjoni ta’ Corazon Mizzi, u GIADA għall-Aqwa Interpretazzjoni tal-kanzunetta Imħabba Vera b’kompożizzjoni ta’ Glen Vella u b’lirika ta’ Philip Vella.

Waqt din l-istess ċerimonja, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius, iċ-Chairman tal-Bord ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja, u d-Direttur Artistiku Paul Abela, tkellmu fuq is-suċċess tal-festival tul is-snin, u li s-sena d-dieħla se tkun qed tittella’ l-ħames edizzjoni tiegħu. Il-preparamenti inizjali għall-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika diġà bdew ġmielhom bil-għan li jinżamm il-livell impekkabbli tal-festival. Il-kelliema ħabbru li s-sena d-dieħla l-festival ser jagħżel 16-il kanzunetta finalista u li l-ewwel serata tal-Ħamis 27 ta’ Marzu mhux ser tkun waħda eliminatorja bil-għan li l-kantanti parteċipi jgawdu aktar dan il-festival. Il-kantanti, il-kompożituri, l-awturi u l-bands, kemm emerġenti kif ukoll dawk stabbiliti, huma mħeġġa biex japplikaw għall-ħames edizzjoni tal-festival biex ikunu parti mil-legat tiegħu.

Festivals Malta u l-Bord ta’ Mużika Mużika jixtiequ jirringrazzjaw lill-artisti kollha ta’ sehemhom fil-festival, filwaqt li jawguraw lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena.

Ekonomija

Sport