Wednesday, December 11, 2024

Jiġi ffirmat MoU għal prezz tad-dħul ridott għall-anzjani fl-Esplora

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministri Michael Farrugia u Owen Bonnici ppresedew għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding biex tiġi ssussidjata l-entratura fl-Esplora għall-anzjani.

B’dan l-MoU, persuni ’l fuq minn 60 sena se jkunu jistgħu jżuru ċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora f’Bighi u jħallsu prezz tal-biljett għad-dħul imnaqqas għal €4 minflok €6 li jinkludi wkoll aċċess għall-Planetarium Experience. Dawk li jidħlu huma meħtieġa jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom. Dawn il-persuni jkunu intitolati wkoll għal skont ta’ 10% mill-ħanut fl-Esplora meta jixtru gadgets teknoloġiċi u edukattivi. Barra minn hekk se jkunu offruti wkoll pakkett ta’ ikla mraħħsa.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li din il-ġimgħa kellna numru ta’ aħbarijiet pożittivi fis-settur tal-anzjani f’pajjiżna. Fosthom il-ftehim mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) bl-isem ta’ ‘I Support’ li se jkun ta’ għajnuna għall-qraba li jieħdu ħsieb persuni li jbatu bid-dimensja fil-komunità fi djarhom.

Il-ftehim bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Esplora se joffri l-opportunità lill-anzjani li jżuru l-Esplora biex ikollhom traħħis sostanzjali fid-dħul filwaqt li meta jiġu fi gruppi jkollhom sapport mhux biss mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità iżda anke mis-settur tax-xjenza f’pajjiżna.

“Opportunità li qatt mhu tard biex titgħallem. Dan il-ftehim se jagħti opportunità lill-anzjani biex ikomplu jitgħallmu filwaqt li jżuru ċ-ċentru ma’ sħabhom, qraba jew neputijiet u anke jingħataw spjegazzjoni ta’ x’hemm wara ċerti affarijiet li jsiru minnhom ta’ kuljum”.

Il-Ministru Michael Farrugia semma wkoll it-tielet aħbar pożittiva, hekk kif l-anzjani kollha u l-carers fid-djar tal-anzjani kollha se jkunu tlaqqmu kompletament bil-vaċċin kontra l-Covid-19, anke t-tieni doża sal-aħħar ta’ Frar. Dan ifisser tnaqqis ta’ nofs il-perjodu ta’ żmien li konna se nieħdu biex jitlaqqmu l-anzjani f’pajjiżna. Opportunità li l-anzjani tagħna f’pajjiżna jkunu jistgħu jirritornaw lura għan-normalità.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 Owen Bonnici rringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan l-iffirmar u lil kull persuna li kkontribwiet b’xi mod jew ieħor sabiex dan l-MoU seta’ jkun possibbli. Il-Ministru Bonnici qal, “Bħala gvern aħna kommessi li nimbuttaw l-innovazzjoni ’l quddiem fl-aġenda ta’ pajjiżna. Permezz ta’ dan l-MoU qed nagħtu opportunità biex ix-xjenza titgawda mill-anzjani tagħna wkoll. L-Esplora toffri xjenza interattiva b’mod li tista’ tgħin lill-ġenerazzjoni anzjana tagħna sabiex tkun aktar attiva filwaqt li jkomplu jkabbru l-għarfien tagħhom dwar l-innovazzjoni u l-possibilitajiet kollha li kapaċi noffru bħala pajjiż”.

Dan l-MoU iħeġġeġ aktar nies biex iżuru l-Esplora u ċentri oħra innovattivi relatati max-xjenza u mat-teknoloġija sabiex is-soċjetà tagħna tibqa’ tikber u u tevolvi permezz ta’ esperjenzi ta’ dan it-tip.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) Dr Jeffrey Pullicino Orlando kif ukoll il-Kap Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Dr Renzo De Gabriele.

Ekonomija

Sport