Monday, December 23, 2024

Jilqgħu l-estensjoni tas-servizzi taċ-ċentri taċ-childcare

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Malta Women’s Lobby laqgħat l-aħbar dwar il-proġett pilota fir-rigward tal-estensjoni tal-ħinijiet taċ-ċentri taċ-childcare. Fi stqarrija qalet li l-estensjoni żgur se tgħin lil dawk il-ġenituri li jridu fiżikament imorru għax-xogħol aktar kmieni fil-ġurnata jew jispiċċaw mix-xogħol aktar tard fil-ġurnata.

Bl-estensjoni li se ssir bi prova minn Ottubru li ġej, il-ħinijiet se jkunu estiżi fil-ftuħ u l-għeluq tagħhom, se jibdew jiftħu siegħa u nofs qabel, jiġifieri mis-6 ta’ filgħodu minflok fis-7:30 u jagħlqu siegħa u nofs wara, jiġifieri fis-6 ta’ filgħaxija minflok fl-4:30. Is-servizz bi prova jinkludi wkoll il-ftuħ ta’ dawn is-sitt ċentri nhar ta’ Sibt bejn is-6 ta’ filgħodu u s-siegħa, meta bħalissa s-Sibtijiet dawn iċ-ċentri ma jiftħux.

Iċ-ċentri li se jiftħu bi prova minn Ottubru huma: Il-Kuluri Childcare Centre (Birgu), Il-Ferrovija Childcare Centre (B’Kara), Pizzi Pizzi Kanna Childcare Centre (Naxxar), Il-Merill Childcare Centre (Pembroke), Żmeraldi Childcare Centre (Ħaż-Żebbug) u Ix-Xemx Childcare Centre (Qawra). Qed issir ħidma biex ikunu identifikati ċentri f’Għawdex biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet tal-Għawdxin, speċjalment dawk li jaħdmu Malta.

Il-Malta Women’s Lobby innota wkoll ir-Remote Working Policy li ġiet imnedija mis-servizz pubbliku għall-impjegati tagħhom. Qalu li jawguraw li din, flimkien ma’ miżuri oħra favur il-familja, fejn applikabbli, jiġu adottati minn spettru usa ta’ min iħaddem fis-settur privat.

Il-Malta Women’s Lobby temmet tgħid li l-użu usa ta’ tali miżuri jippermettu lill-ġenituri biex ikunu jistgħu jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-kura tat-tfal bejniethom fl-ewwel xhur mit-twelid tat-tarbija tagħhom. 

Ekonomija

Sport