Wednesday, April 24, 2024

Jinfetħu l-applikazzjonijiet għal Mużika Mużika 2023

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-applikazzjonijiet għat-tielet edizzjoni tal-festival Mużika Mużika li ser isir bejn it-23 u l-25 ta’ Marzu 2023.

Il-Ministru Bonnici faħħar it-tim organizzattiv għax-xogħol tajjeb li qed isir f’dan il-festival. “Irridu nkomplu ninvestu f’dan il-festival li jservi wkoll bħala pjattaforma fejn l-artisti jesponu t-talenti tagħhom bil-lingwa nattiva tagħna. Ċelebrazzjoni tal-ġmiel tal-kanzunetta Maltija.”

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li “ser inkomplu naħdmu biex dan il-festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara sena u jibqa’ jkun appuntament annwali. Irridu niżguraw li aktar kantanti Maltin ikollhom opportunitajiet biex ikomplu jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell, kif nistgħu naraw f’dan il-festival,” sostna l-Ministru Bonnici.

Il-premijiet ta’ Mużika Mużika 2023 ser ikunu ta’ €20,000 għall-ewwel post, €10,000 għat-tieni post u €5,000 għat-tielet post.

Is-sottomissjonijiet għal Mużika Mużika 2023 jistgħu jsiru kemm online fuq is-sit www.muzikamuzika.mt, kif ukoll bl-idejn fl-uffiċini ta’ Festivals Malta, il-Furjana.

Tnieda ukoll il-video mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2022, ‘Bla Tarf’, interpretata minn Kurt Calleja, fuq kitba tiegħu stess u kompożizzjoni ta’ Kurt Calleja, Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg, li tirrakkonta storja ta’ koppja li ssuperat kull ostaklu. Il-video mużikali interpreta din l-istorja u ġie miġbud minn tim ta’ professjonisti.

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika s-Sur Raymond Bugeja faħħar lit-tim tal-produzzjoni tal-video mużikali, li għal darb’oħra laħaq livelli tal-għola kwalità. Hu kompla billi esprima x-xewqa tiegħu li għall-edizzjoni li ġejja, Mużika Mużika jkompli jilħaq ġeneri mużikali aktar diversi. “Jiena kburi bix-xogħol li qed isir. Mużika Mużika kontinwament jissupera l-aspettativi, kemm fuq livell ta’ produzzjoni, kif ukoll fl-ambitu kreattiv. Inħeġġeġ lill-kantanti, l-kompożituri u l-awturi biex ma jitilfux l-opportunità li jkunu parti mill-istorja ta’ dan il-festival tant prestiġġjuż.”

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta s-Sur Aaron Zahra tkellem fuq l-importanza ta’ Mużika Mużika kemm għal Festivals Malta kif ukoll għall-lingwa Maltija. Is-Sur Zahra kompla jgħid, “Aħna ser nikkommettu ruħna li għal darb’oħra nipproduċu festival tal-għola livell, kemm għall-kantanti, il-kompożituri u l-awturi li ser jieħdu sehem, kif ukoll għall-udjenzi tagħna. Ninsab ċert li l-edizzjoni tal-2023 ser tkun ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet preċedenti.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, is-Sa Annabelle Stivala, faħħret il-produzzjoni tal-vidjow mużikali filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha involuti. “Video mużikali emozzjonanti u mill-isbaħ li biex ittella’ rrikjeda diversi sigħat ta’ xogħol mit-tim dedikat ta’ Festivals Malta u bosta professjonisti fis-settur. Dan il-video mużikali beda jiġi ppjanat proprju minn ftit ġimgħat wara l-festival, u għalih involvejna għadd ta’ professjonisti fl-industrija, biex niżguraw il-kwalità tal-prodott finali u s-sigurtà fuq is-set.”

Sport