Sunday, December 22, 2024

Jinġabru iktar minn €450,000 għal Hospice Malta

Aqra wkoll

Hospice Malta, l-organizzazzjoni prinċipali li toffri servizzi paljattivi b’xejn f’Malta, temmet b’suċċess il-maratona ġbir ta’ fondi tant mistennija ‘Bl-Imħabba Tiegħek Naslu’, nhar id-9 ta’ Lulju 2023. L-avveniment irċieva sapport kbir minn individwi, personalitajiet magħrufa u organizzazzjoniet, liema sapport wassal għal ġabra ta’ €462,839.

Il-maratona saret sabiex tiġbor fondi li se jmorru lejn l-iffinalizzar tal-proġett ta’ St Michael Hospice, li issa wasal fl-istadju finali tiegħu. Dan il-proġett se jkompli jgħin lil Hospice Malta sabiex tkompli toffri servizzi ta’ kura paljattiva ta’ kwalità għolja u b’xejn, għal eluf ta’ pazjenti u l-familji tagħhom kull sena. Preżentament, l-organizzazzjoni tassisti madwar 1,400 familja, numru li jkompli jiżdied sena wara l-oħra.

Waqt il-maratona, Hospice Malta stiednet lill-pubbliku biex iżur St Michael Hospice, fejn wieħed seta’ jara diversi sezzjonijiet fil-faċilità li wasslu sabiex jitlestew. Il-kumpless spazjuż se jkun qed jakkomoda l-pazjenti f’in-patient unit, filwaqt li se joffri wkoll servizzi ogħla ta’ terapija ta’ matul il-jum.

Hospice Malta għandha rwol importanti fejn jidħlu servizzi ta’ sapport għal persuni li qed jissieltu ma’ mard varju li jillimita l-ħajja, bħall-kanċer, motor-neuron disease, problemi respiratorji, kardijaċi, renali u mard tal-fwied, kif ukoll Multiple Sclerosis u CJD.

Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, is-Sinjura Bernardette Bonnici Kind, tkellmet dwar kemm hi grata lejn dawk li għenu lil Hospice: “Kull sena aħna nitolbu lill-pubbliku sabiex jagħtina s-sapport tiegħu. Din is-sena flimkien sejrin ninawguraw il-proġett ta’ St Michael Hospice. Permezz ta’ dan il-proġett, se nkunu nistgħu nibqgħu noffru kura paljattiva komprensiva tal-aqwa kwalità lill-familji fil-bżonn. Nestendu apprezzament lil dawk kollha li laqgħu t-talba tagħna u taw il-kontribut tagħhom waqt din il-maratona.”

Bħala organizzazzjoni mhux governattiva, Hospice Malta tiddependi ħafna fuq il-ġenerożità u l-kontribuzzjonijiet tal-pubbliku li jsostnu s-servizzi tant essenzjali li toffri. Jekk tixtieq tagħmel donazzjoni, tista’ tagħmel dan mis-sit elettroniku ta’ Hospice Malta.

Għal aktar informazzjoni, donazzjonijiet u domandi oħra, żur www.hospicemalta.org.

Ekonomija

Sport