Wednesday, April 24, 2024

RIFORMI BIEX IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ JIBQGĦU PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Għal żmien twil, il-perċezzjoni tal-Maltin kienet li trid tinqala’ xi diżgrazzja biex jittieħdu passi. Madankollu ħafna drabi jiġri li l-inċident ikun intesa’ u qisu qatt ma seħħ. Fortunatament illum din il-perċezzjoni qed tinbidel bil-miżuri li qed jittieħdu u l-aġġornament fil-liġijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan bil-għan li jonqsu l-imwiet u l-inċidenti serji li jinvolvu lill-ħaddiema partikolarment dawk f’siti ta’ kostruzzjoni u fl-industrija b’mod inġenerali.

Ftit aktar minn 20 sena ilu twaqqfet l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u minn dak iż-żmien ‘il hawn din kompliet taġġorna ruħha biex tadatta ruħha mal-bidliet li seħħew matul iż-żmien fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna. Ix-xogħol imwettaq minn din l-Awtorità huwa wieħed vast tant li s-sena li għaddiet biss, għamlet kważi 4,400 spezzjoni fuq postijiet tax-xogħol filwaqt li bejn l-2017 u l-2022, l-ammont ta’ spezzjonijiet laħaq kważi l-24,000.

Però, kif semmejna aktar qabel, fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna saru hemm tibdilet kbar, ir-realtajiet inbidlu u hawn preżenza akbar ta’ ħaddiema barranin fostna. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li ssir analiżi tal-ħidma li għamlet l-Awtorità f’dawn l-aħħar 20 sena u tkun ippreżentata White Paper li fiha qed ikunu proposti l-prinċipji li fuqhom titfassal liġi ġdida għas-saħħa u s-sigurtà f’pajjiżna filwaqt li jissaħħu l-istrutturi tal-Awtorità.

Hawn ta’ min jinnota li d-deċiżjonijiet mhux qed jittieħdu unilateralment mill-Gvern imma qed ikunu deċiżjonijiet ibbażati fuq konsultazzjoni li qed issir ma’ dawk kollha interessati f’dan il-qasam fosthom l-imsieħba soċjali u mhux l-inqas il-pubbliku inġenerali.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar jiem, ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni fuq l-imsemmija White Paper, u minn issa ‘l quddiem se tkun qiegħda ssir l-evalwazzjoni tas-suġġerimenti u l-kummenti li ġew ippreżentati minn dawk kollha li dehrilhom li kellhom jagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom. U b’hekk jiskatta l-proċess għat-tfassil ta’ liġi ġdida.

Għalhekk inħarsu ‘l quddiem biex ikollna liġi li tassew tirrifletti l-ħtiġijiet tal-industrija u tagħti aktar għodda lill-Awtorità biex tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha. Fuq kollox trid tkun liġi li tirrappreżenta l-kunsens l-aktar wiesgħa anke fost l-imsieħba soċjali kollha, li wara kollox huma wkoll involuti fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna.

Sport