Tuesday, May 14, 2024

Jingħalaq ajruport fil-Peru wara protesti vjolenti

Aqra wkoll

Ajruport fil-Peru kellu jingħalaq u żewġ persuni nqatlu fi protesti vjolenti, qalu l-awtoritajiet tal-pajjiż. Ritratti fuq il-midja soċjali wrew duħħan tiela’ mill-ajruport ta’ Andahuaylas fin-Nofsinhar tal-pajjiż. 

Ħamsin uffiċjal tal-pulizija u ħaddiem kienu mdawra minn dimostranti fl-ajruport, qal il-Ministeru tat-Trasport fi stqarrija. 

Fil-kapitali Lima komplew il-protesti dwar l-impeachmenet tal-President Pedro Castillo. Il-Pulizija sparaw gass tad-dmugħ matul il-jum tal-bieraħ biex ixerrdu d-dimostranti fil-belt.

Il-korp tal-avjazzjoni tal-Peru Corpac – parti mill-ministeru tat-trasport – qal li l-ajruport ta’ Andandahuaylas kien affetwat serjament mis-Sibt waranofsinhar u esperjenza attakki, vandaliżmu u nirien.

Il-Pulizija tal-Peru qalet li wieħed mid-dimostranti nqatel. L-Ombudsman tal-Peru qal li l-persuna maqtula kienet adoloxxenti. Il-mewt tat-tieni persuna f’dawn il-protesti f’Andahuaylas aktar tard ġiet irrappurtata mill-Ministru tal-Intern César Cervantes.

Kemm il-Pulizija kif ukoll l-Ombudsma appellaw għat-tmeim tal-vjolenza riċenti. Kienu mijiet il-persuni li mxew minn Lima nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa u talbu għall-ħelsien tas-Sur Castillo u għar-riżenja tas-suċċessur tiegħu, Dina Boluarte.

Mat-3,000 persuna pprotestaw f’Andahuaylas matul il-jum tas-Sibt, uħud minnhom ipprovaw jidħlu f’għassa tal-pulizija. L-Ombudsman irrapporta li minn tal-inqas 16-il dimostrant u erba’ uffiċjali tal-pulizija sfaw midruba fil-belt. 

Is-Sur Castillo kellu appoġġ mifrux fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

Sport