Matul il-lejl li għadda, Infrastucture Malta bdiet ix-xogħlijiet fuq il-junction il-ġdida ta’ bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia.
Permezz ta’ dan il-proġett se jkun qed jonqos it-traffiku b’madwar 30%, f’żona frekwentata minn eluf ta’ karozzi kuljum.
Il-Ministru fisser li sabiex jonqos l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar, il-proġett inbeda issa hekk kif l-iskejjel għalqu, u għandu jkun lest sakemm jerġgħu jibdew f’Settembru. Apparti minn hekk, ix-xogħlijiet se jkunu qed isiru matul il-lejl biex jillimitaw l-impatt fuq il-vetturi ta’ binhar.