L-eks champion paralimpiku Oscar Pistorius inħeles fuq parole kważi 11-il sena wara li qatel lit-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp.
Il-każ kien seħħ f’Jum San Valentinu tal-2013 fid-dar tiegħu fi Pretoria. Huwa qal li kien spara fil-bieb tal-kamra tal-banju wara li ħaseb li xi ħadd ieħor kien daħal fir-residenza.
Il-Prosekuturi insistew li r-reat kien wieħed premeditat u li sparalha wara li din marret tistaħba fil-kamra tal-banju wara argument li kien inqala’ bejniethom.
Il-parole se tibqa’ għaddejja sa Diċembru tal-2029 u Pistorius se jkun suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet u sorveljat minn uffiċjal tas-servizzi korrettivi.
Fost il-kundizzjonijiet elenkati fil-parole hemm ukoll dwar il-ħin li jista’ joħroġ mir-residenza tiegħu, projbizzjoni fuq il-konsum tal-alkoħol u li jrid jattendi għal sessjonijiet marbuta ma’ ‘anger-management’ u vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Huwa se jkollu jagħmel ukoll perjodu ta’ servizz fil-komunità. Huwa se jkollu jiltaqa’ regolarment mal-uffiċjali tal-parole u se jkun ukoll suġġett għal żjarat mill-awtoritajiet.
Barra minn hekk irid jinforma lill-uffiċjal korrettiv b’kull bidla oħra li jagħmel f’ħajtu, bħal pereżempju jekk ikun irid isib impjieg jew imur f’residenza oħra.
Huwa mistenni li jirrisjedi fid-dar ta’ zijuh u mhux se jitħalla jitlaq mid-distrett ta’ Waterkloof mingħajr permess.
Fi stqarrija maħruġa mill-avukat tal-familja ta’ Steenkamp, omm il-vittma staqsiet jekk kinitx saret ġustizzja ma’ Reeva u jekk Oscar kienx qatta’ żmien biżżejjed il-ħabs. “Ma tista’ qatt issir ġustizzja jekk l-iktar ħaġa prezzjuża għalik ma tistax terġa’ lura, u l-ebda ammont ta’ żmien mhu se jġib lil Reeva lura. Aħna dawk li bqajna niskontaw sentenza għal għomorna.”