Żagħżugħ ta’ 19 -il sena residenti Santa Venera inżamm arrestat. Quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil, huwa kien akkużat li poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Fil-Qorti qabel inqraw l-akkużi, id-Difiża mmexxija mill-avukati Nicholas Mifsud u Lara Gatt għamlet talba lil Qorti sabiex din taħtar tliet psikjatri, biex b’hekk jiġi identifikat l-istat ta’ ġenn li l-imputat kien fih fil-mument tar-reat, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni.
Hawnhekk il-Prosekuzzjoni argumentat li hija diġa ħatret esperta, li kkonkludiet li ż-żagħżugħ jinsab tajjeb biżżejjed kemm biex jiġi investigat, kif ukoll biex ikellmuh il-Pulizija u biex iwieġeb jekk hux ħati jew le.
Fl-awla, l-Ispettur spjega li l-każ seħħ fit-30 ta’ Mejju, wara li allegatament tpoġġa splussiv quddiem iċ-ċentru Laburista fil-Ħamrun. Mill-investigazzjoni mmedjata mill-Pulizija rriżulta li l-imputat li allegatament poġġa l-isplussiv, ħarab jiġri lejn id-direzzjoni tal-Ħamrun.
L-istess investigazzjoni wasslu biex jidentiifikaw l-imputat u kien għalhekk li l-Pulizija marret għand il-ġenituri tiegħu. Mal-Pulizija, il-ġenituri taż-żagħżugħ qalu li kien qiegħed f’garaxx f’Santa Venera.
Ingħad ukoll li meta l-Pulizija marret fuq il-post, l-imputat ġie arrestat immedjatament. Minn tfittxija illi saret fuqu dak il-ħin li ġie arrestat, irriżulta li kellu iktar splussiv fuqu u kif ukoll fil-garaxx fejn kien qiegħed jaħdem.
Ġie spjegat li l-imputat kellu bżonn jitteħed f’ċentru tas-saħħa sabiex jieħu xi kura u li minn hemm ġie referut għall-Isptar Mater Dei. Hekk kif dam ftit tal-jiem f’Mater Dei għall-osservazzjoni, huwa ttieħed l-Isptar Monte Karmeli sakemm tressaq il-Qorti.
Fil-Qorti, l-Ispettur qal ukoll li l-imputat ġie rilaxxat mill-psikjatra kmieni l-Erbgħa filgħodu u li immedjatament ftit. tal-ħin wara, dan reġa’ ġie arrestat, b’mandat ta’ arrest li kien ġie ordnat mill-Qorti.
Qal ukoll li l-imputat ikkopera mal-Pulizijaiżdali sar agressiv ma’ uffiċjali tal-Pulizija meta dan ttieħed fiċ-ċentru tas-saħħa. Ingħad li fiċ-ċentru tas-saħħa ma kienx qiegħed iġib ruħu sew u li kien vjolenti kemm mal-infermiera u t-tobba,kif ukoll mal-Pulizija
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kemm tad-Difiża u kif ukoll tal-Prosekuzzjoni, il-Maġistrat Camilleri Busuttil ħarġet ordni ta’ protezzjoni b’numru ta’ diversi kundizzjonijiet, fosthom li hu pprojbit milli javviċina persuni li jistgħu ikunu vittmi tiegħu.
Il-Maġistrat qalet li dawn il-kundizzjonijiet iridu jibqgħu fis-seħħ sas-sentenza finali u li jekk tinkiser xi waħda minn dawn l-ordnijiet, huwa jitressaq il-Qorti akkużat bi ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni.
L-imputat ġie avżat ukoll illijekk jikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jista’ jeħel multa ta’ €7000 ewro jew priġunerija ta’ mhux iktar minn sentejn.