Friday, May 3, 2024

Jipproponi sptar ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex u t-tkabbir tal-Port tal-Imġarr

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’lukanda ewlenija f’Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippreżenta l-proposti tal-PN relatati mal-gżira Għawdxija.

Huwa ppropona li immedjatament malli l-poplu jafdah bit-tmexxija, se jkun qiegħed jaħdem biex titwaqqaf il-privatizzazzjoni tal-unika sptar li għandu Għawdex u ma tibqax f’idejn Steward. 

“Minflok inwettqu programm kapitali li jkun massiv għall-iżvilupp permezz tal-Malita Plc ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’ 400 sodda f’Għawdex,” qal Dr Grech.

Huwa qal li se jkunu qegħdin jinvestu bil-kbir u jiffinanzjaw l-estensjoni ta’ firxa ta’ trattamenti għall-kanċer mogħtija f’Għawdex stess. Proposta oħra li jiftħu servizz ġdid tal-MRI f’Għawdex u jiġu allokati riżorsi speċjalizzati biżżejjed għall-kliniċi tal-outpatients biex jitnaqqas l-iskariġġ għall-pazjenti Għawdxin lejn Malta 

Dr Grech ippropona wkoll li jinbena kampus tal-MCAST ġdid f’Għawdex fejn apparti li jiżdiedu l-korsijiet offruti, jiġu introdotti korsijiet ġodda marbuta mal-10 setturi ekonomiċi ġodda li se jinvestu fihom. 

Huwa kompla jgħid li “rridu nibnu branka dedikata tal-Malta Enterprise b’unità ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment dirett lokali u barrani f’Għawdex.” Sostna wkoll li jinsabu determinati li jkabbru l-Port tal-Imġarr biex isaħħu l-faċilitajiet tiegħu b’mod li jista’ jilqa’ aħjar għat-traġitt bejn iż-żewġ gzejjer b’mod li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-passiġġieri u l-merkanzija tal-lum imma wkoll tal-futur. 

Dr Grech qal li jridu jżidu l-flotta tal-Gozo Channel b’żewġ vapuri ġodda biex titjieb l-infrastruttura tat-traġitt bejn Malta u Għawdex u l-effiċjenza tas-servizz. Qal li wieħed minn dawn il-vapuri jkun dedikat għall-merkanzija u jieħu post dak il-vapur Grieg.

Fl-aħħar nett, huwa qal li jridu li jsiru l-istudji kollha neċessarji f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali bi tħejjija għall-proġett tal-link permanenti bejn il-gżejjer. Temm jgħid li jridu li jkun hemm servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Sport