Tuesday, December 24, 2024

Jirnexxilha tissorprendi b’Barbie

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“Mission: Impossible — Dead Reckoning Part One” ma marx tajjeb daqs kemm kien mistenni. Bejn l-Erbgħa u l-Ħadd, il-film ta’ Tom Cruise kellu dħul ta’ $78 miljun. Il-kumpanija Paramount kienet qegħda tistenna li almenu id-dħul ikun madwar $90 miljun. L-istennija għas-suċċess kienet ġejja mill-fatt li s-sena l-oħra, Tom Cruise kellu suċċess enormi b’“Top Gun: Maverick” meta fl-opening weekend kellu dħul ta’ kważi $127 miljun.

“Dead Reckoning” beda jintwera f’70 pajjiż ieħor u d-dħul kien ta’ $82 miljun.
Film li kien skartat mill-kumpanija Disney u wara nxtara minn kumpanija żgħira Angel Studios, qed jikseb suċċess ferm akbar minn dak mistenni. F’dan it-thriller “Sound of Freedom” li fih jidher Jim Caviezel, jittratta dwar il-ħidma Tim Ballard biex jeħles tfal maħtufa minn traffikanti tat-tfal għas-sess.

Fit-tliet postijiet l-oħra tal-box office Amerikana nsibu: il-film tal-orrur, “Insidious: The Red Door”, “Indiana Jones and the Dial of Destiny” u fil-ħames post il-film animat “Elemental”.
 
BARBIE

Fil-mument, Greta Gerwig hi waħda mill-aktar nisa interessanti f’Hollywood, speċjalment wara li ħadmet “Little Women” tal-2019. Apparti li tpoġġi fuq is-siġġu tad-direzzjoni, hi wkoll attriċi u scriptwriter f’din l-avventura mimlija fantasija, “Barbie”.

Bosta ħaduha b’sorpriża li għażlet li tidderieġi “Barbie”. Hi stess ammettiet, li dan il-film jista’ itappan il-fama li laħqet bniet. Il-fattur li ddetermina li tidħol għal dan il-proġett kien li offrilha sfida: kif ser toħloq film li jagħti sorpriża lill-udjenza? U jirnexxilha.

Sa mill-2009 bdiet tinħema l-idea li jinħoloq film ispirat minn din il-pupa popolari. Kien hemm żmien meta Amy Schumer u anke Anne Hathaway issemmew li jistgħu jaħdmu din il-parti.

Margot Robbie issa hi l-protagonista f’dan il-film. Barbie tisfa’ mkeċċija minn Barbieland għax mhix il-pupa perfetta li kulħadd jistenna minnha. Hi flimkien ma’ Ken (Ryan Gosling) jiġu fid-dinja reali sabiex isibu l-vera kuntententizza.
Il-kast jinkludi wkoll lil Helen Mirren, Will Ferrell u anke l-kantanta Dua Lipa.

Sarah Greenwood iddisinjat is-sett filwaqt li Katie Spencer iddekoratu. Ir-riżultat hu wieħed ta’ min ifaħħru. Għal dak li hu sett, huma ispiraw rwieħhom mit-tip ta’ arkitettura moderna ta’ nofs is-seklu għoxrin li wieħed isib f’Palm Springs. Il-perjodu ġie magħżul għax il-pupa ġiet imnedija fl-1959.

Id-direttur Greta Gerwig riedet li s-sett ikun wieħed reali u l-atturi setgħu imissu kull oġġett li kien ser jidher. Ma riedet xejn jinħoloq bis-CGI.

Il-kunċett kif inhu żviluppat il-film hu nteressanti u kif jgħid anke t-trailer tal-films, ma jappellax biss għal dawk li jħobbu l-ġugarell imma anke għal dawk li jistmerru din il-pupa. Prattikalment il-film kollu hu ffukat fuq il-karattru ta’ Barbie u l-karattri l-oħra qegħdin hemm biex ikunu hemm.

“Barbie” hu kklassikat 12A minħabba hemm ftit turment sesswali u implikazzjoni ta’ kliem mhux xieraq.
 
ELEMENTAL

Fil-fehma tiegħi, dan il-film animat, “Elemental”, jipproponi ferm aktar ideat minn kwalunkwe film ieħor tal-kumpanija Pixar. Dan ma jagħmlux aħjar; bil-maqlub jagħmlu aktar ikkumplikat mill-films l-oħra ta’ din l-istess kumpanija.

“Elemental” hu qrib il-film animat “Inside Out”. Id-direttur Peter Sohn li ħoloq ukoll in-narrattiva għal dan il-film, jaqbad l-erba’ elementi li minnhom kollox hu magħmul skont il-Griegi tal-qedem, jiġifieri n-nar, l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Dawn ikunu ġirien, f’belt kbira moderna. Bejniethom kien hemm regola sempliċi: l-elementi ma jitħalltux!

Il-film imur lil hinn minn dak li kapaċi jagħmlu dawn l-erba’ elementi. Huwa metafora għal dak li jseħħ fis-soċjeta. Eżempju meta Ember (vuċi ta’ Leah Lewis) li ġejja mill-familja tan-nar tiltaqa’ ma’ Wade (Mamoudou Athie) li ġej mill-familja tal-ilma. Huma jiltaqgħu meta pajp tal-ilma jinfaqa’ fil-kantina ta’ missier Ember.

Aktar minn hekk il-ġenituri ta’ Ember huma immigranti. Il-metafora hawn tirreferi għall-ħafna ġenituri li jagħmlu pressjoni fuq it-tfal tagħhom sabiex jissieħbu ma’ dawk tal-istess razza u twemmin reliġjuż.

Mhux nieqes minn xi xeni emozzjonali. L-arti tal-animazzjoni u l-kreattività huma ta’ livell għoli. Dan kollu jista’ jintilef, speċjalment mit-tfal għax, “Elemental” hu f’xi ħinijiet astratt iżżejjed.

“Elemental” hu kklassifikat U imma hemm implikat xi ftit kliem li mhumiex xierqa.

Ekonomija

Sport