Wednesday, March 27, 2024

Jirrakomandaw b’mod qawwi biex nisa tqal jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Kulleġġ Malti tal-Obstetriċi u l-Ġinekologi qed jirrikomandaw b’mod qawwi lin-nisa tqal biex jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19 fid-dawl taż-żieda reċenti fil-kumplikazzjonijiet li qed jaraw f’nisa tqal li jkunu pożittivi għall-virus.

Fi stqarrija, huma qalu li t-tilqima hija l-aħjar mod biex tnaqqas ir-riskju li mara tiġi infettata bil-Covid-19 waqt it-tqala u b’hekk jitnaqqsu kumplikazzjonijiet li jista’ jkun hemm kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija. Huma qalu li t-tilqima kontra l-Covid-19 tista’ potenzjalment tnaqqas ir-riskju li l-omm tiddaħħal fil-kura intensiva, jew ta’ twelid prematur tat-tarbija.

Huma qalu li ntwera li l-vaċċin kontra l-Covid-19 jista’ jittieħed waqt it-tqala u t-treddigħ. Żiedu jgħidu li jekk hemm nisa li qed jippruvaw jinqabdu tqal, jistgħu jieħdu l-vaċċin u m’hemm l-ebda evidenza li l-vaċċin jaffettwa l-fertilità.

Għalhekk, huma qalu li n-nisa jistgħu jiddiskutu l-benefiċċji u r-riskji tat-teħid tal-vaċċin mal-professjonist tal-kura tas-saħħa tagħhom u jaslu għal deċiżjoni konġunta.

Fl-istqarrija huma qalu: “Sa issa konna qed nagħtu parir li n-nisa b’riskju għoli ta’ espożizzjoni għall-virus biss jew b’kundizzjonijiet mediċi ta’ riskju għoli għandhom jiġu offruti l-vaċċin. Issa qed nirrevedu dan il-parir sabiex in-nisa tqal kollha għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-vaċċin Covid-19 wara t-12-il ġimgħa tat-tqala tagħhom.”

Sabiex tibbukkja appuntament għall-vaċċin Pfizer, nisa tqal huma mitluba jċemplu 145 jew jibagħtu email fuq [email protected]

Ekonomija

Sport