Monday, April 14, 2025

Jitħabbar il-programm ta’ attivitajiet għall-festa ta’ San Girgor

Aqra wkoll

Il-festa ta’ San Girgor tmur lura għal bosta snin saħansitra għas-seklu 16. Fil-forma li nafuha llum, bdiet fl-1781 b’digriet mill-Isqof Vincenzo Labini fejn kien ġie deċiż li din il-festa tkun iċċelebrata dejjem l-ewwel erbgħa fuq l-Għid il-Kbir. Hija magħrufa wkoll li fiha ssir l-ewwel għawma.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nidew il-programm ta’ attivitajiet għal din il-festa tradizzjonali għat-tielet sena konsekuttiva fuq jumejn. 

Il-Ministru Owen Bonnici qal kif għal darb’oħra l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn it-tisħiħ tal-identità kulturali tagħna, u dan anke permezz ta’ ħidma flimkien mal-Kunsilli Lokali rispettivi. 

“L-inizjattiva biex jiġi mmarkat San Girgor b’dan il-mod uniku, b’attivitajiet kulturali, mużika, għana u attivitajiet edukattivi, qed turi biċ-ċar kemm aħna determinati li nressqu l-wirt intanġibbli tagħna eqreb lejn il-poplu, b’mod speċjali lit-tfal,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali rrimarkat li din it-tradizzjoni hija waħda ferm imfitxxija mhux biss miż-Żwieten u Xlukkajri iżda minn eluf ta’ Maltin, Għawdxin u barranin li jiġu apposta biex jiċċelebraw dan il-jum.

Ir-Reġjun Nofsinhar li jaqa’ fi ħdanu kemm il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qegħdin jorganizzaw transport b’xejn lir-residenti tal-lokalitajiet f’dan ir-Reġjun propju għal din il-ġurnata.

L-Onorevoli Zerafa Civelli faħħret lid-Direttorat għal-Kultura u l-Kunsilli Lokali għall-impenn tagħhom sabiex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja u tibqa’ tintiret minn ġenerazzjoni għall oħra.

Clifford Galea,  l-Assistent Direttur tad-Direttorat tal-Kultura qal “Id-Direttorat tal-Kultura huwa impenjat li jsaħħaħ tradizzjonijiet li għaddew għandna sa minn ħafna snin ilu, u fl-istess ħin, nagħmluhom aċċessibbli għal kulħadd, inkluż it-tfal.”

Kollox se jibda fit-22 ta’ April mis-18.00 bi spettaklu mill-Isbandieratori di Faenza fi Pjazza San Girgor u eżattament wara, fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina ssir preżentazzjoni tal-Proġett ta’ Restawr minn Wirt iż-Żejtun. Din tiġi fi tmiemha b’kunċert ta’ mużika sagra mill-Omnia String Quartet.

L-għada, 23 t’April, il-ġurnata tibda b’mixja mill-Imdina mix-XirCammini saż-Żejtun. Fiż-Zejtun, ħdejn il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina jibda spettaklu ieħor mill-Isbandieratori di Faenza li mbagħad jerġgħu jagħmlu l-istess, fid-9.30 u fil-11 am ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor.

Bosta bankarelli ser ikunu esebiti għall-pubbliku b’suġġetti relatati mal-Wirt Intanġibbli bħal platti tal-melħ, l-għażżiela u anke bizzilla. 

Ser ikun hemm ukoll tours apposta għat-tfal mill-gwida professjonali Jeremy Grech biex it-tfal jitgħallmu wkoll l-istorja ta’ pajjiżna. Dawn ser jingħataw rigal għall-parteċipazzjoni tagħhom u se ssir ukoll kompetizzjoni bi premju relatat ma’ din l-okkażjoni.

Għall-ewwel darba, se ssir ukoll infjorata fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Girgor fejn il-pubbliku nnifsu jista’ jipparteċipa.

Ser ikun hemm ukoll attivitajiet għaddejjin fil-ġonna tal-madwar fosthom fi Ġnien il-Kmand u anke fi Ġnien l-Għannejja fejn il-pubbliku jista’ jammira l-falkunerija. Bla dubju, f’din il-festa mdorrijin nisimgħu l-għana Maltija li se tkun qed issir fl-akkwata tal-pjazza ta’ San Girgor u se jkun hemm ukoll preżentazzjoni tal-ftira Maltija. 

Għal din il-Konferenza tal-aħbarijiet attendiet ukoll is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport