Wednesday, April 24, 2024

Jitħabbru d-dati ta’ Levant Gozo Music Fest, l-ewwel festival f’Għawdex mifrux fuq jumejn

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li se jsir il-Levant Gozo Music Fest, festival ta’ mużika li għall-ewwel darba se jkun mifrux fuq jumejn u se jittella’ bejn id-9 u l-10 ta’ Settembru fil-Heliport tax-Xewkija.

Il-Ministru Camilleri spjega li, “F’Għawdex qed jittella’ l-Levant Gozo Music Fest fost avvenimenti oħra sabiex anke din il-gżira tibqa’ tkun attraenti għal turiżmu ta’ divertiment u noffru attivitajiet ta’ kwalità għolja kemm għall-Għawdxin kif ukoll għall-Maltin u għat-turisti li jżuruna.” Żied jgħid li, “Bħala Ministeru għal Għawdex, aħna kontinwament naħdmu sabiex nattiraw lejn din il-gżira turisti ta’ kwalità tul is-sena kollha, anke fix-shoulder months.”

Charles Borg, wieħed mill-organizzaturi mill-Kumitat Ċentrali tax-Xewkija, qal li Levant Music Fest se jagħlaq l-istaġun sajfi tal-mużika f’Għawdex permezz ta’ spettaklu ta’ mużika b’diversi artisti rinomati kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Il-festival se jilħaq il-qofol tiegħu permezz tar-rebbieħ tal-Grammy Award, Imanbek, il-mużiċist ta’ 20 sena mill-Kazakhstan li għamel suċċess kbir fid-dinja mużikali. F’dan il-festival se jieħdu sehem ukoll Tribali, The Travellers, Mae, Rubberband u Junior B.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika biex jattendu dan il-festival miftuħ għal kulħadd mingħajr ħlas. Levant Music Fest huwa sponsorjat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Sport