Friday, November 15, 2024

Jitħassar il-bqija tal-programm tal-Malta International Airshow

Aqra wkoll

L-ispettaklu tant mistenni tal-Malta International Airshow li kien ippjanat li jibda fis-2.00 ta’ wara nofsinhar, kellu jitħassar minħabba l-kundizzjoni tal-baħar u r-riħ. Sadanittant il-folla ta’ entużjasti li marru bi ħġarhom biex jaraw din l-attività, ħarġu pjuttost iddiżappuntati.

Sa minn kmieni filgħodu fid-direzzjoni ta’ Bugibba t-traffiku kien pjuttost qawwi u n-nies bdew jinġabru minn kmieni biex isegwu t-titjir akrobatiku bil-kuluri aħmar, abjad u blu tar-Red Arrows. Sat-3.30 ta’ wara nofsinhar dan l-ispettaklu kien għadu ma bediex. Dan sakemm tħabbar mill-organizzaturi li dan kellu jitħassar kaġun ta’ riħ qawwi.

Fortunatament il-pubbliku kellu l-opportunità li jgawdi t-titjir ta’ dawn l-ajruplni s-Sibt li għadda fejn raw u anke telgħu fuq ajruplani li nġiebu apposta f’Malta. F’din l-attività l-piloti tkellmu wkoll mal-viżitaturi. Id-delettanti tal-fotografija ma tilfux din l-opportunità biex ħadu ritratti tal-ajruplani kollha li kien hemm għall-wiri.

Sadanitant sal-bidu ta’ din is-sena r-Red Arrows taw madwar 5,000 wirja, f’57 pajjiż differenti. Dawn huma meqjusa bħala ambaxxaturi tar-Renju Unit fejn tidħol l-avjazzjoni fejn minbarra li joffru spettaklu f’pajjiżhom u anke f’okkażjonijet statali, dawn iduru madwar id-dinja biex juru l-aqwa tar-Renju Unit.

Ekonomija

Sport