Eluf ta’ ħaddiema tat-tifi tan-nar issoktaw bil-ħidma tagħhom biex jikkontrollaw in-nirien qawwija li komplew jinfirxu fis-sigħat li għaddew madwar iż-żona ta’ Los Angeles.
F’Pacific Palisades, il-pumpiera ħaffru trinek wisgħin madwar il-pajsaġġ f’tentattiv li jrażżnu n-nirien li qed ikunu msejħa bħala l-aktar devastanti fl-istorja ta’ din il-belt. Dan filwaqt li f’Mandeville Canyon, ajruplani tat-tifi tan-nar tefgħu wkoll l-ilma mill-ajru fi sforz sabiex iwaqqfu l-mogħdija tan-nar.
Kawża ta’ dawn in-nirien, sa issa ġew ikkonfermati minn tal-inqas 16-il fatalità. Ix-Sheriff tal-kontea ta’ Los Angeles, Robert Luna, qal li n-numru ta’ mwiet mistenni li jiżdied hekk kif l-awtoritajiet se jibagħtu wkoll klieb li se jgħinu fit-tiftix ta’ pesuni li għadhom irrapportati nieqsa.
In-nirien, li diġà ħadu żona madwar darbtejn u nofs id-daqs ta’ Manhattan, wasslu sabiex jiġu spostati ’l fuq minn 200,000 persuna u nqerdu aktar minn 12,000 dar u struttura oħra, inklużi distretti residenzjali sħaħ. Dan apparti li tqanqlet “battalja politika” kemm f’Los Angeles kif ukoll fuq livell nazzjonali.
Sadanittant, il-gvernatur ta’ Kalifornja, Gavin Newsom, ordna inkjesta b’rabta mal-immaniġġjar tal-ilma fil-kontea ta’ Los Angeles wara li nħarġu rapporti li ġibjun ma kienx qed jiffunzjona.
Kelliem għad-Dipartiment tal-Ilma u l-Enerġija kkonferma li l-ġibjun ta’ Santa Ynez, li jgħin fil-provvista tal-ilma fil-Pacific Pasalides, kien “offline” għal manutenzjoni skedata meta bdew in-nirien.