Sunday, May 5, 2024

Jittella’ mill-baħar it-tieni katavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni f’temp ta’ ftit sigħat

Aqra wkoll

Illum, għal xi t-3:00 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ ġisem ta’ persuna fil-baħar, madwar 15-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta, fiż-żona magħrufa bħala Hurds Bank. 

Hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’dan ir-rapport issejħet minnufih l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li marru fuq il-post. Hemmhekk instab katavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, li ttella’ fuq Patrol Boat u iddaħħal f’Xatt it-Tiben. 

Bis-sejba ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. 

Ftit sigħat ilu ttella’ katavru li ntlemaħ fl-inħawi ta’ Marsalforn

Intant aktar kmieni, il-Pulizija daħlilha rapport li kien intlemaħ katavru fil-baħar fl-inħawi ta’ Marsalforn f’Għawdex ilbieraħ.

Malli daħlilhom ir-rapport, il-pulizija talbu minnufih għall-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li tellgħu l-katavru u ħaduh lejn ix-Xatt ta’ l-Imġarr. 

Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-ġisem x’aktarx huwa ta’ mara però sa issa għadha mhux identifikata peress li l-ġisem instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta maż-żewġ każi għadhom għaddejjin filwaqt li awtopsja mistennija tixħet aktar dawl dwar iż-żewġ każi.

Sport