Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena żdiedu l-inċidenti tat-traffiku filwaqt li naqsu dawk li weġġgħu f’dawn l-istess inċidenti meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li fit-tieni kwart tas-sena seħħew tlett fatalitajiet tat-traffiku, it-tlieta li huma rġiel.
L-istatistika turi li f’dan il-perjodu ġew irrapportati 4,436 inċident, li jfisser żieda ta’ 4.0% fuq it-tieni kwart tal-2023. L-akbar numru taʼ inċidenti seħħew fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port bʼ1,520 każ jew 34.3 fil-mija tal-inċidenti kollha.
Il-persuni midruba f’dawn l-inċidenti naqsu b’ 7.9 fil-mija sabiex naqsu għal 409. Dawk feruti gravi ammontaw għal 102, li kienu magħmula minn 64 sewwieq, 8 passiġġieri u 30 persuna miexja/ċiklisti/oħrajn.
L-akbar għadd taʼ dawk li ndarbu gravi kienu rġiel (72.5 fil-mija). 36.9 fil-mija tal-persuni li weġġgħu f’dawn l-inċidenti kienu jinvolvu persuni li għandhom bejn is-26 u l-40 sena.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-inċidenti tat-traffiku (47.9 fil-mija) kien jinvolvi karrozzi tal-passiġġieri, segwiti minn dawk li jinvolvu muturi b’37.9% u vetturi tal-ġar tal-merkanzija b’8.1 fil-mija.
L-akbar għadd taʼ tidrib mill-inċidenti tat-traffiku ġara fil-jum tal-Ġimgħa bʼ76 tidriba, filwaqt li l-akbar għadd taʼ inċidenti seħħew fil-jum tat-Tlieta bʼ752 każ. Il-maġġoranza tal-inċidenti tat-traffiku seħħew fil-ħin taʼ bejn 12:00 p.m sat-3:00 p.m, bʼ971 każ.
Birkirkara kienet l-iktar lokalitá li fiha seħħew inċidenti, hekk kif ġew irreġistrati 294 każ, segwita minn Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar, b’222 u b’218 -il każ rispettivament.