Monday, February 10, 2025

John Paris … leġġenda ħajja tal-waterpolo lokali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Minn meta kont żgħir bħala familja konna dejjem niġu ngħixu Tas-Sliema fejn it-Torri allura kienet xi ħaġa ovvja li ninżel ngħum il-pitch tal-Exiles. Jien l-iżgħar minn ħuti Michael li huwa tliet snin ikbar minni u ħija l-kbir li huwa 14-il sena ikbar minni. Huma kienu jilagħbu mat-tim tal-Exiles allura jien ta’ disa’ snin diġá kont nittrenja u mmur nara l-logħbiet. Ta 11-il sena kont bdejt nilgħab mat-tim tal-kbar tal-Exiles u infatti meta konna sifirna għal training camp f’Ruma kont fit-tim. Ta’ 13-il sena kont nilgħab mal-ewwel sebgħa.

X’unuri maġġuri rbaħt fil-waterpolo kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

1982 – Exiles 2nd Division League and KO  (kelli 15-il sena), 1986 – Neptunes League Champions, 1987 – Neptunes League and KO , 1998 – Neptunes League u KO, 1989 – Neptunes League, 1992 – Neptunes KO , 1993 – Neptunes League

1994 – Neptunes KO, 1999 – Sliema League, 2001 – Sliema League, 2002 – Slema League u KO, 2003 – Sliema League, 2004 – Sliema League u 2006 – Exiles 2nd Div League.

Irbaħt ukoll il-Winter League għall ħames darbiet (Neptunes u Sliema).

Fl-1989 irbaħt il-Plejer tas-Sena u kont finalist għall-iSportiv tas-Sena. 

Fl-2001 skurjajt il-Golden Goal fil-League Decider. Dan kien l-uniku kampjonat li qatt intrebaħ hekk f’Malta. Fl-2003 irbaħt il-Plejer tas-Sena għall-Malta Independent.

Bħala rebħ ta’ kampionati, jien l-uniku plejer li rbaħt għaxar kampjonati ma’ żewġ klabbs – Neputunes u Sliema (ħamsa kull wieħed).

Jien għamilt 20 sena nilgħab għal pajjiżi matul dak ż-żmien fejn ġieli rbaħna tournaments barra minn pajjiżna. Għall tliet snien kont captain ukoll.

Fuq bażi personali jien kelli r-rekords ta’ Malta fl-għawm: 100 meters Freestyle, 100 meters Backstroke, 100 meters Butterfly u 200 meters individual Medley. 

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?

Jien naħseb li l-isport f’Malta, il-ġenituri ma jagħtuhx biżżejjed importanza għax għalihom l-ewwel jiġi l-istudju. Imbagħad minn naħa l-oħra hemm ġenituri li jkunu ffissati li t-tifel jew jifla tagħhom huma l-aqwa u dan huwa ħażin ukoll. Iva l-isport f’Malta hemm limitu kemm wieħed jista’ jaqla’ flus iżda ħafna nies ma  jirrealizzawx li bl-isport ikunu qed jgħixu ħajja b’saħħitha u l-isport jgħinek biex titgħallem tintegra man-nies u tkabbar l-esperjenza. Il-mentalitá qed tinbidel iżda bil-mod wisq. 

U l-livell tar-riżorsi tal-isport f’pajjiżna?

Ir-riżorsi tal-isport f’Malta tjiebu ħafna, speċjalment fl-isport tal-għawm u l-waterpolo. Illum għandna faċilitajiet ta’ livell għoli u llum min jistinka u jilħaq il- livell li jilgħab fit-tim nazzjonali jkollu l-opportunitá biex isiefer barra minn xtutna.  

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

Jien bħalissa qed nikkowċja t-timijiet tal-U14 u l-U16 tal-Exiles, u nispera li jkolli aktar opportunitajiet ‘il quddiem.  

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Biex wieħed jagħmel karriera fl-isport tal-waterpolo għandu jkollu dawn l-affarijiet: 1) li jkun iddedikat u dejjem jagħti l-100% tiegħu f’kull sessjoni ta’ taħriġ; 2) jittrenja spiss kemm jista’ jkun … iktar ma jittrenja ilkar se jkollu vantaġġ fuq ħaddiehor; 3) jara l-logħba spiss kemm jista’ jkun (flok joqgħod jilgħab b’xi ‘console’ jew jara s-‘Social Media’); 4) għandek titgħallem mill-iżbalji li tagħmel u tipprova ma terġax tagħmilhom; 5) għandek ukoll tiekol u torqod tajjeb (mill-inqas tmien sigħat kuljum).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport