Sunday, May 5, 2024

John Travolta jitlef lil martu wara ġlieda ta’ sentejn mal-marda tal-kanċer

Aqra wkoll

John Travolta għadu kemm tilef lil martu Kelly Preston li għal dawn l-aħħar sentejn kienet qiegħda tiġġieled il-marda tal-kanċer. 

L-attur ta’ 66 sena lbieraħ filgħaxija kiteb fuq Instagram biex ifakkar lil martu, wara li kien sar magħruf li l-mara ta’ 57 sena tilfet il-battalja mal-marda tal-kanċer tas-sider. 

Travolta qal li martu ġġieldet ġlieda kuraġġuża b’imħabba u b’appoġġ minn ħafna nies. Qal li hu u l-familja tiegħu se jibqgħu dejjem grati lejn it-tobba u l-infermiera li għenuha, kif ukoll il-ħbieb li kienu magħha matul is-snin. 

John u Kelly iżżewġu fl-1991. Ħalliet warajha lil uliedha Ella u Benjamin, filwaqt li binhom Jett kien miet fl-2009. 

Travolta qal li l-ħajja u l-imħabba ta’ Kelly se tibqa’ mfakkra. Saħaq li se jieħu xi ftit taż-żmien biex ikun preżenti ma’ wliedu li tilfu lil ommhom. Għalhekk talab biex in-nies jaħfrulu jekk ma jisimgħux dwaru għal ftit taż-żmien. Madankollu, qal li se jkun qed iħoss l-imħabba li waslitlu mingħand in-nies filwaqt li jfieq flimkien ma’ wliedu. 

Sport