L-attakkant Brażiljan Jonny Robert ħalla lil Hamrun Spartans biex ikompli l-karriera tiegħu fis-Serbja ma’ FK Novi Pazar.
Jonny irritorna mal-iSpartans matul is-sajf li għadda u wara li ħadem ħafna biex jerġa’ jikseb il-kundizzjoni fiżika tiegħu ġie rreġistrat għall-Closing Round tal-Malta Premier.
Il-Brażiljan skorja xi gowls importanti għall-Spartans iżda xorta ma setax jgħin lit-tim tiegħu jisfida għat-titlu tal-Premier League hekk kif temmew l-istaġun fit-tielet post.
Fi stqarrija fuq il-mezzi soċjali tiegħu, Jonny esprima kliem ta’ gratitudni lejn l-iSpartans.
“Nixtieq nirringrazzja lill-klabb minn qalbi għall-appoġġ, id-dedikazzjoni u l-opportunitajiet kollha li tani,” kiteb Jonny.
“Kien unur li nkun parti minn din il-familja, li nitgħallem, nikber u ngħix mumenti speċjali flimkien ma’ nies tal-għaġeb.
“Nieħu miegħi memorji sbieħ, ħbiberiji u tagħlim li qatt mhu se ninsa. Grazzi ħafna lil kull min kien parti minn din il-mixja.
“Nawgura ħafna suċċess lill-klabb u lil kull min ikompli din l-istorja.”
L-istaġun li għadda, Jonny għamel 13-il dehra mal-iSpartans, fejn skorja żewġ gowls.
Għall-Brażiljan, din kienet it-tieni darba tiegħu mal-iSpartans. Aktar kmieni fil-karriera tiegħu, kien għen lil Hamrun Spartans jirbħu żewġ titli tal-Kampjonat u s-Super Cup.
Jonny issa se jkompli l-karriera tiegħu ma’ FK Novi Pazar fl-ogħla diviżjoni Serba.


