Sunday, November 24, 2024

Jonqsu l-applikazzjonijiet għall-ażil fl-Unjoni Ewropea

Aqra wkoll

Analiżi aġġornata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) li hija bbażata f’Malta, turi li l-pajjiżi tal-UE+ għadhom jirċievu inqas applikazzjonijiet għall-ażil. B’kuntrast, in-numru ta’ każijiet pendenti fl-ewwel istanza fl-UE+ laħaq livelli ogħla mill-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015-2016.

Matul ix-xhur tax-xitwa tal-2023-2024, kien hemm tnaqqis ġenerali fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil mill-pajjiżi tal-UE+. Din it-tendenza kompliet f’April 2024, b’86,000 applikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali tal-ażil. Dan huwa tnaqqis notevoli ta’ 30 fil-mija meta mqabbel mal-ogħla rata ta’ 123 000 applikazzjoni f’Ottubru 2023.

F’April, l-applikazzjonijiet mis-Sirjani ammontaw għal 12,000, ftit aktar meta mqabbla max-xahar ta’ qabel, għalkemm in-numru naqas b’marġni sinifikanti meta mqabbel mal-ogħla ta’ seba’ snin fil-ħarifa.
It-tnaqqis ġenerali fl-applikazzjonijiet, madankollu, ma kienx il-każ fl-Istati Membri kollha. Wara żieda qawwija ta’ wasliet fil-Gżejjer Kanarji kien hemm żieda proporzjonata fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn diversi ċittadinanzi, inklużi ċittadini tal-Mali. Fl-istess ħin, l-applikazzjonijiet fl-Italja baqgħu eżatt taħt l-ogħla rekord  ta’ Marzu 2024. B’mod ġenerali, dawn ix-xejriet ikkontribwew għall-akbar ammont ta’ każi fl-ewwel istanza, f’seba’ snin fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

F’April 2024, il-Ġrmanja b’19,000 applikazzjoni, baqgħet l-aqwa destinazzjoni għal dawk li jfittxu ażil fl-UE+, u rċeviet kważi kwart tat-total. Spanja rċeviet 18% tal-applikazzjonijiet, u l-Italja rċeviet livell għoli kważi rekord ta’ 14,000 li huwa 17 fil-mija tat-total tal-UE+.

Għalkemm il-Ġrmanja tradizzjonalment kienet fuq quddiem meta tirċievi applikazzjonijiet għall-ażil, fl-aħħar xhur rat tnaqqis, filwaqt li l-Italja esperjenzat żieda qawwija. Il-pajjiżi riċevituri ewlenin huma wkoll differenti fl-oriġini tal-applikanti. Fil-Ġrmanja, aktar minn nofs kienu jinkludu Sirjani, Afgani u Torok; fi Spanja, aktar minn żewġ terzi kienu Veneżwelani, Kolumbjani, u Maljani; u fl-Italja, 40% kienu Bangladexx, Peruvjani, u Eġizzjani.

Is-sistema tal-ażil Spanjola kienet affettwata minn diversi żviluppi: l-ewwel, kien hemm żieda qawwija dokumentata ta’ wasliet ta’ dgħajjes fil-Gżejjer Kanarji b’żidiet proporzjonati fin-numru ta’ applikazzjonijiet għall-ażil li ġew ippreżentati fl-ewwel ftit xhur tal-2024.

Ċttadini tal-Amerika Latina, li jgawdu minn aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen, komplew jissottomettu għadd sinifikanti ta’ applikazzjonijiet fl-UE+ f’April 2024 kien hemm 6,200 applikazzjoni Venezwelana u 4,800 Kolumbjan.

In-numru ta’ applikazzjonijiet mhux dejjem huwa l-aktar kejl rappreżentattiv ta’ pressjoni fuq il-pajjiżi tal-UE+, peress li għandhom sistemi ta’ ażil u akkoljenza ta’ daqs differenti.

F’April 2024, in-numru ta’ applikazzjonijiet f’Ċpru (1,500), bid-daqs żgħir tal-popolazzjoni tiegħu ta’ madwar 921,000, kien jammonta għal applikazzjoni waħda għal kull 600 abitant. L-Italja (14,000) u l-Awstrija (2,200), filwaqt li rċevew numri differenti ħafna ta’ applikazzjonijiet, fil-fatt irċevew numri simili ħafna ras għal ras madwar applikazzjoni waħda għal 4,100 abitant.

Sport