Friday, April 19, 2024

“Joseph Ratzinger dejjem fittex il-verità u ma beżax jistaqsi għalfejn Alla ppermetta ċertu qtil” 

Quddiesa b’suffraġju għal ruħ il-Papa Emeritu Benedittu XVI fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Aqra wkoll

Is-Sibt filgħaxija fid-Djoċesi ta’ Għawdex nżammet Quddiesa b’suffraġju ta’ ruħ il-Papa Emeritu Benedittu XVI, li tmexxiet fil-Katidral ta’ Għawdex mill-Kardinal Mario Grech, u fiha kkonċelebraw l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, il-Vigarju Appostoliku ta’ Tripli George Bugeja ofm, u n-Nunzju Appostoliku l-ġdid f’Malta Savio Hon Tai-Fai sdb, flimkien ma’ bosta saċerdoti oħra.

Fl-omelija tiegħu, il-Kardinal Grech qal li “Joseph Ratzinger kien il-bniedem li fittex il-verità fuq kollox, imma kien ukoll il-bniedem umli li qatt ma ppretenda li kien jaf kollox, li kien sab il-verità kollha. Fil-fatt, ħajtu kollha hija tfittxija kontinwa tal-verità, xewqa kontinwa li jidħol fil-misteru ta’ Alla. U meta ma fehemx lil Alla, ma beżax jistaqsi, bħalma għamel meta żar il-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz: “Alla, għalfejn bqajt sieket? Għalfejn ippermettejt dan kollu?” It-tfittxija ta’ Ratzinger għall-verità qatt ma kienet nieqsa mill-umiltà quddiem il-misteru dejjem ikbar ta’ Alla.”

“Fl-aħħar, għal Ratzinger, għalkemm kien teologu ta’ intellett brillanti, il-verità li kien qed ifittex qatt ma kienet xi verità astratta. Blaise Pascal kien jagħmel differenza bejn Alla tal-filosfi u Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. L-istess Ratzinger. Ma kienx qed ifittex il-kunċetti tal-filosfi, imma lil Alla ta’ Ġesù Kristu. Kienet l-imħabba ta’ dan Alla, il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù li saqet il-ħajja kollha tiegħu. Fil-fatt, kif qal ħafna drabi, “li tkun Nisrani mhux ir-riżultat ta’ għażla etika, jew xi idea, imma l-laqgħa ma’ persuna li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (Ittra enċiklika Deus caritas est, 1). Din il-persuna hija Ġesù Kristu,” tenna l-Kardinal Grech. 

“Illum qed niċċelebraw l-Epifanija: il-Maġi li ħallew kollox biex imorru jfittxu t-tarbija. T.S. Eliot fil-poeżija tiegħu The Journey of the Magi jgħid: “This was all folly” – dan kien kollu ġenn. Huwa ġenn li tħalli kollox biex tmur tfittex tarbija. Il-ġenn tal-Maġi jixbah lill-ġenn ta’ Ratzinger. It-tfittxija ta’ Ġesù Kristu, il-Verità inkarnata, l-Istilla ta’ ħajtu, ġagħlitu jagħmel affarijiet tal-ġenn, u għalihom ħallas prezz għoli, anki dak li jidher bħal buffu mhux mifhum.”

“Din hi l-għażla li għamel Ratzinger… għażla mhix faċli, li tiswa prezz. Din hi l-għażla li aħna mistiedna nagħmlu bħala Knisja u bħala Nsara. U jekk xi darba nkunu f’mument ta’ qtigħ il-qalb, ejjew niftakru f’dak li qal Benedittu XVI fil-bidu tal-pontifikat tiegħu: “Tibżgħux minn Kristu! Hu ma jeħdilkom xejn, imma jagħtikom kollox… iftħu, iftħu beraħ qlubkom għal Kristu, u ssibu l-ħajja vera” (Omelija fl-inawgurazzjoni tal-pontifikat, 24.04.2005), kif irridu nittamaw li sabha l-Papa Benedittu.”

Fl-aħħar tal-quddiesa, in-Nunzju Appostoliku l-ġdid għamel kelmtejn tal-okkażjoni fejn wassal it-tislijiet tal-Papa Franġisku lill-poplu tagħna u l-memorji sbieħ taż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex is-sena l-oħra, u tkellem ukoll dwar ir-rabta personali tiegħu mal-Papa Benedittu, li fl-2010 ħatru Arċisqof u Segretarju għall-Kongregazzjoni tal-Evanġelizzazzjoni tal-Popli.

Ekonomija

Sport