Il-Malta Football Association ħabbret li fl-insegwitu tal-investigazzjoni mill-Pulizija Eżekuttiva u wara li nħarġu akkużi fil-konfront ta’ Jurgen Pisani fir-rigward tal-logħba, Sta Lucia v Birkirkara, tat-3 ta’ Mejju 2024 tal-Premier League fl-istaġun 2023/24, il-Malta FA talbet li jinbdew proċeduri quddiem il-Kumitat tal-Kontroll, Dixxiplina u Etika – Bord tal-Integritá fil-konfront ta’ Jurgen Pisani u tal-club ta’ St Lucia stante li l-player kien reġistrat ma’ Sta Lucia fil-perjodu mertu tal-każ.
In vista tan-natura tal-akkużi in kwistjoni taħt is-Sezzjoni IX tar-Regolamenti tal-Malta FA – Regulations on Bribery and Betting Regarding Football Matches, il-Malta FA issospendiet lill-imsemmi Jurgen Pisani b’mod temporanju u dan pendenti l-eżitu tad-deċiżjoni finali fil-proċeduri interni.
Din il-pożizjoni qed tittieħed mal-linji tar-Regolamenti tal-Malta FA (Sezzjoni IX) – Regulations for the Investigation of Allegations and for Adjudging upon charges related to Bribery in Football and Illicit Betting related to Football matches under the jurisdiction of the Association.
Il-Malta Football Association qalet ukoll li f’dan l-istadju mhux se jsiru aktar kummenti ladarba l-każ huwa sub-judice.