Tuesday, May 21, 2024

Kampanja ta’ informazzjoni qarrieqa mir-Russja qabel l-invażjoni

Aqra wkoll

Qabel seħħet l-invażjoni, ir-Russja kien ilha xhur “tibni l-pedamenti” li jipprovdu “raġunijiet validi” għal invażjoni ġewwa l-Ukrajna. Ir-Russja wettqet dan permezz ta’ kampanja kbira ħafna ta’ diżinformazzjoni fuq il-midja, liema kampanja għadha għaddejja anke issa. F’din il-kampanja qarrieqa, ir-Russja xerrdet fuq l-internet eluf ta’ ritratti u filmati li pprovaw ipenġnu lill-Ukrajna bħala l-aggressur. Din il-kampanja Russa mill-ewwel ġiet iddikjarata bħala waħda qarrieqa kemm minn għadd ta’ esperti kif ukoll wara investigazzjonijiet intensivi li saru dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Ukrajna. 

Esperti li tkellmu mal-midja qalu li t-tattika Russa kienet waħda effettiva u dan mhux minħabba l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta iżda bil-kwantità tagħha. Il-volum ta’ informazzjoni li r-Russja ħarġet fil-midja tant hija kbira li hu diffiċli li wieħed joqgħod jarbel kull punt hekk kif dan jieħu wisq ħin. Apparti hekk il-maġġoranza tal-popolazzjoni Russja hija mgħarrfa biss dwar il-propaganda u l-diżinformazzjoni Russa.

Fost il-ħafna informazzjoni qarrieqa li ħarġet ir-Russja kien hemm il-qlajja li l-Ukrajna qiegħda tipprepara offensiva militari biex terġa’ tieħu r-reġjun ta’ Donbas lura. Informazzjoni qarrieqa oħra kienet li l-Ukrajna kienet qiegħda tippjana li twettaq attakk fuq territorji li jinsabu f’idejn is-separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna billi saħansitra tuża armi kimiċi. Apparti hekk, fuq il-midja ġiet imxerrda ukoll informazzjoni li tpitter lill-gvern Ukren bħala wieħed korrott, neo-Nazi u anke kontra r-Russja. 

Persuni li tkellmu mal-aġ­enzija tal-aħbarijiet AFP qalu kif ir-retorika anti-Ukrajna u anti-NATO eskalat b’mod sostanzjali fl-aħħar xhur. Tant hu hekk li fir-Repubblika Ċeka biss, dan it-tixrid ta’ informazzjoni żdied b’75 darba filwaqt f’dan il-pajjiż din id-diżinformazzjonijiet ħadet post id-diżinformazzjoni imxerrda dwar il-pandemija tal-Covid-19.

Sport