Monday, May 20, 2024

Għaliex Joe Biden ma jridx jibgħat truppi Amerikani?

Aqra wkoll

Matul l-aħħar sigħat l-armata Ukrena ko­mpliet tikkum­batti lill-invażuri Russi f’battalji feroċi qrib il-kapitali Ukrena Kiev, fejn numru ta’ persuni tilfu ħajjithom. Il-kunflitt jidher li kien ikkonċentrat madwar mitjar li hemm fil-fruntiera ta’ din il-belt liema mitjar huwa kkunsidrat bħala strateġiku għall-armata Russa għaliex bih ikunu jistgħu jwasslu iktar suldati ġewwa l-Ukrajna b’mod mgħaġġel. 

L-armata Ukrena qiegħda tiġġieled l-invażjoni Russa fuq diversi fronti hekk kif din l-aħħar daħlet fl-Ukrajna mil-Lvant, Tramuntana u Nofsinhar. 

Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm rapporti ta’ rokits Russi li laqtu bini residenzjali Ukren filwaqt li kien hemm ukoll rapporti ta’ sparar fil-qalba ta’ Kiev. Dwar dan tal-aħħar, il-Gvern Ukren wissa li “sabaturi” Russi jista’ jkun li diġà qegħdin joperaw ġewwa l-kapitali Ukrena.

Sorsi qrib il-President Ukren qalu li Volodymyr Zelenskiy għadu jinsab ġewwa Kiev.

L-iktar żewġ mistoqsijiet pertinenti li fl-aħħar siegħet li kienu fuq fomm ħafna kienu għaliex l-Istati Uniti ma poġġietx sanzjonijiet diretti fuq il-President Russu Vladimir Putin, u għaliex il-President Amerikan Joe Biden qiegħed jibqa’ lura milli jibgħat truppi Amerikani ġewwa l-Ukrajna biex jagħtu l-assistenza tagħhom. 

Filwaqt li fuq tal-ewwel ir-raġuni għadha mhix waħda ċara, fuq l-aħħar mistoqsija kien hemm numru ta’ analisti li qasmu l-opinjoni tagħhom. Fost dawn kien hemm Barbara Plett Usher li hija l-korrispondent ta’ BBC għall-iState Department tal-Istati Uniti. 

Usher argumentat illi fl-aħ­ħar snin l-amministrazzjoni tal-President Joe Biden ħadmet qatigħ mal-Ukrajna biex din issaħħaħ il-militar tagħha u anke fuq id-diplomazija bil-għan li twaqqaf l-aggressjoni Russja fil-konfron tal-Ukrajna. Apparti hekk permezz tas-sorsi tagħha l-Istati Uniti wissiet kontinwament dwar dak li r-Russja kienet qiegħda tippjana. 

Barbara Usher elenkat numru ta’ punti li setgħu wasslu lil Biden biex ma jintervjenix. Fost dawn hemm li l-Istati Uniti m’għandha l-ebda interessi ġewwa l-Ukrajna li jistgħu jheddu s-sigurtà tagħha. Dan għaliex l-ewwel u qabel kollox l-Ukrajna mhix ġar tal-Istati Uniti u din tal-aħħar lanqas għandha bażi militari ġewwa dan il-pajjiż. 

Apparti hekk l-Ukrajna m’għandhiex riservi ta’ żejt u lanqas hija sieħeb kummerċjali kbir tal-Istati Uniti. Għalkemm ta’ min jgħid li kien hemm drabi fil-passat fejn f’każi hekk l-Istati Uniti xorta waħda intervjeniet f’kunflitti oħrajn.

Punt ieħor huwa li l-Istati Uniti ma tridx li tinvolvi ruħha fi gwerra u tinsab iktar
iffukata fuq affarijiet interni. Ta’ min jgħid ukoll li din hija gwerra differenti minn oħrajn għar-raġuni li jekk l-Istati Uniti tintervjeni din tiġi wiċċ imb wiċċ mar-Russja, pajjiż b’qawwa nukleari. Biden u l-amministrazzjoni tiegħu ma jridux li din is-sitwazzjoni tispiċċa fi “gwerra dinjija” fi ġlieda bejn l-Amerika u r-Russja. Biden qal dan ukoll f’intervista ta’ NBC fejn qal li, “f’dan il-kunflitt mhux qed inħabbtu wiċċna ma’ organizzazzjoni terroristika iżda ma’ waħda mill-ikbar armati fid-dinja. Din hija sitwazzjoni diffiċli u l-affarijiet jistgħu jitilfu l-kontroll f’qasir ħin.”

Apparti kollox, l-Ukrajna lanqas hija parti min-NATO u għalhekk l-Istati Uniti m’għandha l-ebda obbligi kuntrattwali li tintervjeni. 

Biden, fil-konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Ħamis li għadha, għamel ċar il-punt dwar Artiklu 5 tan-NATO li jgħid li “attakk fuq membru wieħed ifisser attakk fuq kulħadd” u huwa għalhekk li l-Istati Uniti qiegħda żżid il-preżenza tagħha f’pajjiżi ġirien tal-Ukrajna li huma membri tan-NATO. Dan jindika li Biden huwa kommess li jonora Artiklu 5.

L-ironija f’dan kollu hija li l-kunflitt qam għar-raġuni li l-Ukrajna trid tissieħeb fin-NATO. 

Sport