Sunday, May 19, 2024

Kampjonat Ewropew tal-waterpolo: Malta tibda b’telfa kbira kontra l-Kroazja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta…………..5

Kroazja……….19

(0-2, 1-3, 2-7, 2-7)

It-team nazzjonali Malti tal-waterpolo fetaħ l-imoenji tegħu fil-Kampjonat Ewropew tal-LEN tal-waterpolo fi Split fil-Kroazja b’telfa kbira kontra t-team ospitu tal-Kroazja bl-iskor kbir ta’ 19-5.

L-iskor seta’ kien ikbar favur il-Kroati li kieku l-goalkeeper Malti, Jake Tanti, ma kienx f’vena mill-aqwa fejn salva bosta goals ċerti, biex b’hekk kompla jinkuruna sena mill-aqwa wara staġun ferm pożittiv li kellu maċ-champions San Giljan. Il-captain Matthew Zammit ukoll kellu logħba tajba fejn irreġistra hat-trick bil-goals l-oħra għal pajjiżna jaslu minn Ben Plumpton u Dino Zammit.

Il-Kroati rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu minn Loren Fatovic u Filip Krzic.

Fit-tieni sessjoni, il-Kroati rnexxielhom jiskorjaw tliet goals mingajr risposta permezz ta’ Ivan Krapic, Jerko Marinic Kragic u Rino Buric, qabel finalment Malta skorjat l-ewwel goal permezz ta’ Ben Plumpton.

Matthew Zammit skorja t-tieni goal għal Malta fil-ftuħ tat-tielet sessjoni iżda l-Kroati ħadu r-riedni tal-logħba kompletament f’idejhom fejn skorjaw sitta mingħajr risposta biex fetħu vantaġġ komdu ta’ 10 goals bl-iskor momentarju jkun dak ta’ 12-2 favurihom.

Dino Zammit temm it-tielet sessjoni billi skorja t-tielet goal għal pajjiżna.

Il-Kroati komplew ma juru l-ebda ħniena lejn il-Maltin fir-raba’ u l-aħħar sessjoni fejn skorjaw seba’ goals bil-Maltin jiskorjaw darbtejn permezz ta’ doppjetta personali ta’ Matthew Zammit.

Intant, Malta, terġa’ tkun fl-azzjoni l-Erbgħa f’partita li tibda fl-10.30am.

Malta: 1-Jake Tanti, 2-Sam Gialanze, 3-Andreas Galea, 4-Jamie Gambin, 5-Dino Zammit, 6-Darren Zammit, 7-Ben Plumpton (1), 8-Nicholas Bugelli, 9-Jeremy Abela, 10-Nikolai Zammit, 11-Benji Cachia, 12-Dino Zammit (1), 13-Matthew Zammit (3) Coach: Karl Izzo

Kroazja: 1-Marko Bijac, 2-Rino Buric (3), 3-Loren Fatovic (5), 4-Ivan Krapic (1), 5-F. Lazic, 6-Luka Bukic (1), 7-Filip Krzic (1), 8-Marko Zuvela (2), 9-Jerko Marinic Kragic (4), 10-Josip Vrlic, 11-A. Basic, 12-K. Kharkov (2), 13-Toni Popadic Coach: Ivica Tucak

Referees: Stanko Ivanovski (Montenegro), Erkan Turkkan (Turkija)

Sport