Tuesday, May 14, 2024

Kampjonat Ewropew tal-waterpolo: Rebħa storika għal Malta

Aqra wkoll

Malta………………13

Slovenja…….…….9

(3-2, 2-3, 3-3, 5-1)

It-team nazzjonalli Malti tal-waterpolo kiteb paġna ġdida fl-istorja ta’ dan l-isport hekk kif għall-ewwel darba se jkun qed jilgħab il-play-off għat-13-il post nhar it-Tlieta li ġej fl-10.30 am kontra l-Ġermanja. Dan hekk kif Malta għelbet lis-Slovenja bl-iskor ta’ 13-9. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa li pajjiżna qatt kiseb f’Kampjonati Ewropej tal-LEN fil-ħin regolamentari u mhux wara l-għoti tal-penalties.

Il-Maltin rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, bil-goals għalihom jaslu minn Matthew Zammit minn penalty, Ben Plumpton u Jamie Gambin. Dan sabiex Jan Justin irreġistra doppjeta personali għas-Sloveni.

Madankollu, is-Sloveni ma ċedewx u wettqu reazzjoni tajba biex rebhu t-tieni sessjoni bl-istess punteġġ li bih il-Maltin ħarġu rebbieħa fl-ewwel sessjoni, bl-iskorers għalihom ikunu Jasa Lah, Aleksander Cerar, u Jasa Kadivec. Liam Galea u Dino Zammit minn penalty wieġbu għal pajjiżna.

Fit-tieliet sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 3-3, bl-awturi tal-goals għall-Maltin ikunu Dino Zammit, Ben Plumpton u Liam Galea. Il-goals għas-Slovenja waslu minn Matej Nastran, Jasa Kadivec u Rahne Maric.

Il-Maltin ħadu r-riedni tal-logħba għal kollox f’idejhom fir-raba’ u l-aħħar sessjoni meta ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 5-1, fejn għalina rnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Nicholas Bugelli (2), Dino Zammit, Matthew Zammit, Andreas Galea. Martin Stele skorja l-uniku goal għas-Sloveni.

Malta: 1-Jake Tanti, 2-Sam Gialanze, 3-Andreas Galea (1), 4-Jamie Gambin (1), 5-Darren Zammit, 6-Matthew Zammit (2), 7-Ben Plumpton (2), 8-Nicholas Bugelli (2), 9-Jeremy Abela, 10-Nikolai Zammit, 11-Liam Galea (2), 12-Dino Zammit (3), 13-Nicky Grixti Coach: Karl Izzo

Slovenja: 1-Jure Beton, 2-Benjamin Popovic, 3-Jasa Kadivec (2), 4-Rahne Maric (1), 5-Matej Nastran (1), 6-Maerko Blazic, 7-Martin Stele (1), 8-Aljaz Troppan, 9-Vukasin Stefanovic, 10-Jan Justin (2), 11-Jasa Lah (1), 12-Aleksander Cerar (1), 13-Gasper Zurbi Coach: Kristof Stromajer

Referees: Nenad Peris (Kroazja), Erkan Turkkan (Turkija)

Sport