Thursday, March 28, 2024

Kampjonat Ewropew tas-Snooker f’Malta: Alex Borg jgħaddi għal mal-Aħħar 16

Aqra wkoll

Proprju bdiet il-fażi tan-Knock Out ta’ dan il-Kampjonat Ewropew u mis-sitt players Maltin li kienu kkwalifikaw mill-gruppi issa jonqos biss Alex Borg li bieraħ rebaħ liż-żewġ Maltin oħra, Arthur Cachia u Brian Cini biex issa avvanza għal mal-aħħar sittax.

Il-veteran ta’ 53 sena, Alex Borg il-bieraħ wera li l-esperjenza f’din it-tip ta’ kompetizzjoni tista tkun fattur importanti li tersaq aktar qrib anke’ jekk il-players avversarji jkollhom talent. Borg kien player professjonali għal diversi snin u sal-istaġuni 2019/20 u 2020/21 kien ħa sehem anke fil-World Snooker World Tour. Barraminnhekk kien rebaħ dan il-Kampjonat Ewropew għal sentejn konsekuttivi, fl-2005 fil-Polonja u 2006 fir-Rumanija filwaqt li fl-2004 Awstrija kien spiċċa ‘runner up’.

Fl-ewwel logħba mill-Aħħar 64 kontra Arthur Cachia, Borg ftit ta’ cans lil avversarju u f’kull frame beda jibni vantaġġ li deher li ser iressqu għal rebħa konvinċenti b’punteġġ ta’ 4-0, mingħajr wisq diffikulta’. Ftit aktar minn siegħa wara kien ser ikollu jilgħab il-logħba tal-aħħar 32 u jiltaqa’ ma Brian Cini li ftit qabel kien għeleb bi ftit diffikulta’ lil Franċiż Nicolas Mortreux 4-3.

Forsi kienet ħasra li ż-żewġ Maltin ssilietu għall-kwalifikazzjoni f’din il-fażi u mhux fi stadju aktar avvanzat tal-kompetizzjoni. Alex b’kalma liema bħala mill-ewwel bena vantaġġ tajjeb u rebaħ l-ewwel tliet frames 75-23, 72-30 u 71-46. Matul dan il-kampjonat kienet l-ewwel darba li Brian kien tliet frames min taħt iżda irnexxielu jnaqqas id-distakk billi irrisponda bi break ta’ 50 punt fejn rebaħ r-raba’ frame 83-13 u dak suċċessiv 58-39 u b’riżultat parzjali ta’ 3-2 kien reġa daħal sew fil-partita. Fis-sitt frame Alex wettaq break ta’ 54 punt u minkejja li Brian pprova diversi tentattivi biex jagħtiħ maskla li kellu bżonn anke’ meta kien għad fadal biss il-boċċi roża u s-sewda, Alex għalaq il-konfront wara li ppottja l-boċċa r-roża u rebaħ il-frame 66-41 u għalaq il-logħba bi skor finali ta’ 4-2.

Mill-logħbiet l-erba’ logħbiet l-oħra li l-Maltin lagħbu l-bieraħ, Philip Ciantar kellu jilgħab f’logħba preliminari biex isib post mal-aħħar 64 player fil-kompetizzjoni. Fiha kellu rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra l-Olandiż Mario Wehrmann biex mal-Aħħar 32, ftit wara, lagħab kontra David Vaitzman tal-Iżrael li huwa wieħed tliet players li matul il-fażi tal-gruppi ma tilfu l-ebda frame. Kien konfront ibbillanċjat minkejja li Vaitzman wara r-raba’ frame kien 3-1 min iżda Ciantar jirrispondi tajjeb u il-logħba kellha tingħalaq bil-frame deċiżiv. Hawnhekk kien Ciantar li naqqas milli japprofitta ruħu mill-vantaġġ li kellu sakemm Vaitzman reġa’ daħal fil-logħba u għalaq l-aħħar frame għal riżultat finali ta’ 4-3 favuru.

Fil-konfronti l-oħra Frans Mintoff ftit offra oppożizzjoni li Eden Sharav tal-Iżrael u dan tal-aħħar kellu rebħa faċli 4-0. Tajjeb li wieħed issemmi li dan il-player huwa ex-player professjonali tas-Snooker li rebaħ card għal World Snooker Tour għall-istaġuni 2015/16 u 2016/17.

Anke Aaron Busuttil mal-Aħħar 64 kellu jiltaqa’ mal-Finlandiż Robin Hull li għal ħafna snin kien professjonali f’dan l-isport u barra li jitqies bħala wieħed mill-aqwa players tas-snooker li ħarġu mill-pajjiżi Nordiċi f’kull żmien huwa kien rebaħ dan il-Kampjonat Ewropew fis-snin 1997 u 2013 u kien spiċċa ‘runner up’ fl-edizjoni tal-1993. Minkejja dan Busuttil żam sew il-pass mal-Fillandiż tant li logħba ġiet deċiża fis-seba’ frames u bi ftit attenzjoni l-Malti setgħa jsib postu mal-aħħar 32.

Ekonomija

Sport