Fl-għaxar jum tal-kampjonat tal-Ewropew għalqet il-fażi tal-gruppi wara li saru 344 logħba li fi tmiem tagħhom wieħed kellu jistenna ftit ieħor peress li fi Grupp E tlieta spiċċaw f’paritá assoluta u kellu jsir ‘shoot off’ fuq is-sewda biex ikun determinat minn kien ser ikun it-72 player li jgħaddu għall-fażi tan-knock out li fosthom ser ikun hemm sitt players Maltin.
Wara li Alex Borg, Aaron Busuttil u Brian Cini, kellhom il-kwalifikazzjoni aċċertata, mill-kumplament tal-players Maltin, li kienu b’kollox 16, tlieta oħra għaddew għar-round li jmiss. Dawn kienu Philip Ciantar, Frans Mintoff u Arthur Cachia, li rebħu l-aħħar konfront tagħhom fil-gruppi. Mis-sitta li għaddew tnejn, Alex Borg u Brian Cini, rebħu l-erba’ logħbiet kif ukoll spiċċaw l-ewwel fil-grupp tagħhom. Brian Cini minkejja li rebaħ kien darbtejn minn taħt u rebaħ fil-ħames u l-aħħar frame kontra ż-żagħżugħ ta’ 14-il sena mill-Moldova, Vladislav Gradinari.
F’din il-fażi Florian Nusle tal-Awstrija, Iulian Boiko tal-Ukranja u David Vaitzman tal-Iżrael kienu l-uniċi tliet players li li s’issa ma tilfu l-ebda frame.
Mill-kumplament tal-Maltin għalkemm ma kkwalifikawx, Frans Abdilla, Mark Saffrett u Duncan Bezzina, rebħu l-aħħar logħba tagħhom. Chris Peplow u Tony Mifsud ħargu telliefa fil-konfront aħħari li kienet logħba diretta għal min jgħaddi għan-Knock Out. Tony Mifsud ġietu din l-opportunitá wara li mill-grupp tiegħu, Dudi Eliau tal-Iżrael, kellu jirtira minn dan il-kampjonat għax ħassu ma jiflaħx. B’hekk il-logħob tiegħu inkluż ir-rebħa mal-istess Tony Mifsud eventwalment ġew ddikjarati nulli. B’hekk il-Maltin f’din l-fażi spiċċaw lagħbu 63 logħba, rebħu 32 u tilfu 31. Żewġ players biss ma rrnexxielhom jirbħu l-ebda logħba.
Wara ix-‘shoot off’ ta’ Grupp E bejn il-Franċiż Dimitri Vivier, l-Irlandiż Mark Walsh u l-Polakk Marcin Nitschke, li spiċċa jirbaħ din il-battalja, l-E.B.S.A. ħabbret kif kienu ser jilagħbu għal fażi tan-knock out. Sittax minn dawk li għaddew iridu jilagħbu f’round preliminari biex jingħaqdu mas-56 player l-ieħor għar-round tal-Aħħar 64.
Il-fażi li jmiss sa qabel il-finali il-logħob kollu jintlagħab fuq format tal-aħjar minn seba’ frames u fir-round preliminari Philip Ciantar ser jiltaqa’ kontra l-Olandiż Mario Wehrmann. Mis-sitt Maltin, Alex Borg u Arthur Cachia, jridu jilagħbu kontra xulxin filwaqt li Brian Cini ser jiffaċċja lill-Franċiż Nicolas Mortreux. Issa jekk Cini joħroġ rebbieħ fir-round tal-Aħħar 32 , huwa jiltaqa’ mill-ewwel mar-rebbieħ mil-logħba bejn Alex Borg u Arthur Cachia. Jekk iseħħ dan rappreżentat Malti jasal mal-Aħħar 16. Iż-żewġ partiti l-oħra tal-Maltin ser ikunu, Aaron Busuttil kontra l-Finlandiż Robin Hull u Frans Mintoff kontra Eden Sharav tal-Iżrael.