Sunday, November 24, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun Spartans kellhom jitħabtu kontra Balzan

Aqra wkoll

Hamrun Spartans ….1

Balzan …………………0

Iċ-champions Hamrun Spartans bdew id-difiża tar-rebħ tat-titlu b’rebħa diffiċli ta’ 1-0 fuq Balzan liema partita ma laħqitx l-aspettattivi mixtieqa.  

Kien bidu kemmxejn kaj­man hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jistudjaw lil xulxin mingħajr ma ħadu l-ebda riskju.

U minkejja li l-partita bdiet timmatura, iż-żewġ goalkeepers rispettivi ma ġewx impenjati.

Dan minħabba li ż-żewġ difiżi kienu ferm dixxiplinati u organizzati li ma bdewx jagħtu ċans lill-attakkanti avversarji jimmanuvraw. Infatti l-ballun beda jasal minn kaxxa sa kaxxa mingħajr ma jinħoloq wisq periklu. 

L-unika azzjoni denja ta’ nota waslet, fit-43 minuta, min-naħa ta’ Hamrun Spartans meta minn pożizzjoni ideali Elionay Freites kien għoddu ħasad lill-goalkeeper, Danilo Golovic, li nqabad ftit barra minn fuq il-linja iżda x-xutt minn barra l-kaxxa spiċċa fuq ix-xibka. 

It-tieni taqsima fetħet bi free-kick ta’ Roko Prsa fejn Steve Borg għola fuq kulħadd u d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ma’ sieq il-lasta, b’Golovic megħlub għal kollox.

Il-Balzanin b’mod gradwali bdew jirbħu nofs il-ground fejn kienu aktar movimentati mill-avversarji iżda l-Ispartans bdew jantiċipawhom fi tliet kwarti ta’ ground bil-konsegwenza li l-ballun ma bediex jasal għand il-goalkeeper Ħamruniż.

Peró, fit-62 minuta kienu l-Ispartans li fetħu l-iskor, meta Prso għadda corner qasir lejn Luke Montebello li kkrossja l-ballun fil-kaxxa biex Jonny Torres approfitta mid-difiża statika ta’ Balzan u bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka.

Ir-reazzjoni Balzanija kienet xutt mill-bogħod ta’ Jake Grech li falla l-mira.

Fis-67 minuta, l-istess Jonny falla ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasta falla l-mira bir-ras biex seta’ jagħlaq il-logħba.

Il-Balzanin ippruvaw jib­nu pressjoni iżda l-Ħamruniżi bdew jilagħbu b’awtoritá u kkontrollaw kull sitwazzjoni sat-tmiem.  

Hamrun S.:  22-Federico Marchetti (1-Henry Bonello 46), 4-Steve Borg, 10-Joseph Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas da Silva, 23-Uros Duranovic, 27-Ognjen Bjelicic, 42-Nemanja Krstic (7-Luke Montebello 46), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 98-Jonny Robert Do Nascimento (17-Yulian Rumenov Nenov 78) – Coach: Luciano Zauri

BALZAN: 99-Danilo Golovic, 2-Ivan Bozovic, 4-Andre Prates, 5-Samir Arab, 7-Triston Caruana (9-Manyluak Aguek 78), 8-Paul Fenech (6-Marcus Grima 78), 10-Jake Grech, 24-Nikola Braunovic (23-Nikola Zerjal 63), 27-Momcilo Raso, 42-Leonardo Da Silva de Souza (42-Ryohei Michibuchi 67), 77-Aleksa Andrejic (21-Aleksandar Katanic 67) – Coach: Oliver Spiteri

REFEREE: Daniel Portelli

ASS. REFEREES: Max Lee Muscat, Robert Curtis

RABA’ UFF: Philip Farrugia

SKORER: J. Torres 62 (HS)

AMMONITI: N. Braunovic, I. Bozovic (B); J. Mbong, R. Prsa, R. Camenzuli, J. Torres, U. Duranovic, (HS);

PLAYER TAL-LOGĦBA: Jonny Torres (Hamrun S.)

Sport