Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Sliema W. se jwaqqfu l-mixja ta’ Hamrun S.?

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u għada tintlagħab it-18-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn il-leaders Hamrun Spartans għandhom konfront diffiċli kontra Sliema Wanderers li l-obbjettiv tagħ­hom huwa li jtemmu mal-ewwel tlieta. 

Floriana, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika, jiffaċċjaw lil Naxxar Lions li jistgħu jinqabdu fl-inkwiet tar-relegazzjoni. 

Partita mill-aktar interessanti hija dik bejn Marsa­xlokk u Valletta hekk kif iż-żewġ timijiet għandhom objettivi differenti … ix-Xlukkajri lejn iż-żona Ewropa u l-Beltin lejn dik tas-salvazzjoni.

Konfront bejn żewġ timi­jiet li ddiżappuntaw huwa dak bejn Balzan u Hiber­nians li prattikament m’għandhom ċans għal xejn filwaqt li l-pressjoni tinsab fuq il-Balzanin minħabba li jinsabu f’pożizzjoni xejn favorevoli.

Partita bejn il-ġirien Mos­ta u Birkirkara għandha l-importanza tagħha min­ħabba li l-Mostin jinsabu fil-bżonn tal-punti. 

Żewġ logħbiet li jirrigwardjaw timijiet li qed jissieltu għas-salvazzjoni jinkludu lil Gzira United u Sta Lucia li jaffrontaw lil Sirens u Gudja United rispettivament, b’dawn it-tnejn tal-aħħar huma destinati li jitilfu posthom mal-kbar. 

Sliema W. v Hamrun S.– Din hija logħba mill-aktar delikata għal Hamrun Spartans meta jilagħbu kontra t-team rivelazzjoni ta’ dan l-istaġun. 

Minbarra li Sliema Wan­derers huma wieħed mill- aktar clubs glorjużi, f’dan l-istaġun huma rritornaw fl-ogħla diviżjoni u kisbu r-rispett ta’ kull avversarju u t-tielet pożizzjoni hija kol­lha mertu tagħhom. 

Huma jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa diretta fuq Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1. 

Min-naħa tal-Ispartans, dawn iridu jibqgħu jżommu s-sensiela pożittiva ta’ tmien rebħiet konsekuttivi. 

L-uniku player sospiż huwa dak ta’ Sliema, Joachim Adukor filwaqt li l-Ħamruniżi se jissaħħu bir- ritorn minn sospensjoni ta’ Uros Duranovic u Ederson Bruno Domingos.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1. 

Naxxar L. v Floriana – Floriana jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jiltaqgħu kontra Naxxar Lions biex jibqgħu jżommu l-pass ma’ Hamrun Spartans.

Il-Furjaniżi ddiżappuntaw bil-kbir fid-draw ta’ 2-2 kontra Balzan u jekk ma jiksbux it-tliet punti, ikunu qed jgħaddu l-iniżjattiva lill-Ispartans biex iżidu l-vantaġġ li bħalissa huwa dak ta’ ħam­es punti.

Anke n-Naxxarin iridu joħorġu b’rebħa minħabba l-fatt li m’għadhomx f’żona komda … anzi issa jinsabu fid-dell tar-relegazzjoni wara li fl-aħħar ħames logħbiet kisbu biss żewġ punti … u skorjaw goal wieħed  biss.

Huma ma jistgħux jinkludu liż-żewġ players sospiżi, Takuma Yamaguchi u Joao Vitor Moura Cardoso filwaqt li Oualid El Hasni u Maksim Valadzko mhux se jilagħbu għall-Greens min­ħabba l-istess raġuni. 

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1. 

Valletta v Marsaxlokk – Din il-logħba ta’ Valletta titqies bħala ‘finali’ hekk kif iridu jissuperaw lil Marsa­xlokk filwaqt li jittamaw li t-timijiet ta’ madwarhom ma jirbħux. 

Dan minħabba li l-Lilywhites jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni u saħansitra b’periklu kbir li jistgħu jitil­fu posthom … u għaldaqstant il-pressjoni tin­sab kollha fuqhom.  

Telfa għalihom tkun tfis­ser il-possibbiltá ta’ bidu ta’ katastrofí u għalhekk xejn għajr minn rebħa ma tissodisa l-kriterji tagħhom. 

Min-naħa l-oħra, telfa għal Marsaxlokk toqtlilhom kull tama li b’xi moda jistgħu jispiċċaw fit-tielet post. 

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Enzo Ruiz għal Valletta u Leandro Aguirre għal Marsaxlokk. 

Fl-ewwel round, il-Beltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Mosta v Birkirkara– Mos­ta jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 1-0 fuq Valletta … hekk kif se jiffaċċjaw lil Birkirkara li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Hiber­nians.  

Rebħa hija prioritá għall-Mostin li tkun tfisser ossiġenu ġdid fl-aspirazzjo­nijiet tagħhom biex isalvaw il-profil tagħhom fl-ogħla di­­viżjoni.

Peró, il-Karkariżi mhux se jċedu pulzier konxji mill-fatt li r-raba’ post jista’ jkun il-biljett għall-kompetizzjo­ni tal-UEFA Conference Lea­gue.  

Huma għandhom lil Kurt Zammit sospiż. 

Fl-ewwel round Mosta kie­nu rebħu 2-0. 

Balzan v Hibernians – Balzan jilagħbu kontra Hibernians li t-tnejn ġejjin minn riżultat ta’ draw.

Il-pressjoni tinsab kol­lha fuq Balzan minħabba li jinsabu fl-inkwiet tar-relegazzjoni. Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Fl-ewwel round Balzan kienu ħarġu rebbieħa 2-0.

Sirens v Gzira U. – Fuq il-karta Gzira United jibdew favoriti kontra Sirens, team li jidher destinat iżda fl-is­tess waqt iridu juru rispett lejn l-avversarji. 

Il-Maroons għandhom lil Marcelo Dias sospiż. Huma kienu għelbu lill-Pawlini fl-ewwel round 1-0. 

Gudja U. v Sta Lucia– Fit-tentattiv li joħorġu miż-żona l-ħamra, Sta Lucia bilfors iridu jiksbu t-tliet punti kontra Gudja United li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika. 

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx problemi ta’ players neqsin. 

Fil-konfront dirett iż-żewġ timijiet kienu spiċċaw  fi draw ta’ mingħajr goals. 

Ekonomija

Sport