Wednesday, April 24, 2024

Kampjonat tad-dinja tas-snooker: Mark Selby eliminat

Aqra wkoll

Yan Bingtao wasal sal-kwarti-finali tal-Kampjonat tad- Dinja tas-snooker li qed isir fil-Crucible Theatre ta’ Sheffield, għall-ewwel darba u stabbilixxa ruħu bħala kandidat ġenwin għat-titlu, billi elimina liċ-champion renjanti, Mark Selby, bl-iskor ta’ 13-10.

Iċ-Ċiniż Yan, 22 sena, ipproduċa prestazzjoni li Selby innifsu kien ikun kburi biha, meta wera determinazzjoni, paċenzja u abbiltà li jqabbdu boċċi kruċjali fil-mumenti ewlenin. Wara li ra d-difiża tat-titlu tiegħu tintemm, Selby stqarr li kien mimli ammirazzjoni għal-logħba eċċellenti kollha ta’ Yan.

Minbarra r-rebħa fuq John Higgins fil-finali tal-Masters tal-2021, din hija l-aqwa rebħa tal-karriera ta’ Yan hekk kif għeleb liċ-champion erba’ darbiet, Selby, fl-akbar palk tas-snooker. Il-premju tan-numru 16 tad-dinja huwa logħba ma’ Mark Williams għada u nhar l-Erbgħa.

Yan, li huwa bbażat f’Sheffield, jqum għall-okkażjoni meta jilgħab lil Selby hekk kif issa rebaħ l-aħħar erba’ laqgħat bejniethom. Il-konfront tas-Sibt filgħaxija kien affaxxinanti bejn żewġ ġellieda tal-pannu, meta ma jċedux pulzier.

Wara li t-tielet sessjoni bdiet 9-7 favur Yan, Selby kellu ċans tad-deheb li jnaqqas id-distakk fil-frame tal-ftuħ, iżda falla r-roża għar-rokna ta’ fuq meta llidja b’19-il punt b’żewġ ħomor fuq il-mejda. Yan kklerja biex mar tlieta minn fuq.

Frame 18 dam 46 minuta u niżel għall-battalja tas-sigurtà fuq il-kannella. Skambju ta’ sigurtà spiċċa bi żball rari minn Selby, u l-avversarju tiegħu  pproduċa pots mill-aqwa fuq il-kannella, il-blu u r-roża biex mar 11-7 minn fuq. Selby ġie lura bi breaks ta’ 86, 117 u 88 biex resaq qrib, 11-10.

L-20 frame kien l-itwal li ntlagħab f’45 sena ta’ snooker fil-Crucible, li dam 85 minuta u 22 sekonda. Wara sensiela ta’ skambji ta’ sigurtà, Selby kellu ċ-ċans li jikklerja l-kuluri biex jikseb il-parita’, iżda falla roża diffiċli għal rokna ta’ fuq.

Iż-żewġ players naqsu milli jikkonvertu ċansijiet fuq is-sewda, qabel ma Yan daħħalha fil-pocket tan-nofs għal 12-10.

U dan żvolġa l-mument deċiżiv hekk kif Yan għalaq il-logħba b’century ta’ 112.

Yan sar ir-raba’ player fil-kwarti-finali flimkien ma’ Mark Williams, Ronnie O’Sullivan u Stephen Maguire.

Sport