Wednesday, March 27, 2024

KAP TAL-PN

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ġab vot tajjeb ta’ konferma bħala mexxej tal-partit tiegħu. Politikament għandu bażi li minnha jista’ jibni mill-qiegħ, kif meħtieġ, l-istrutturi interni tal-PN. Niddubita kemm il-pern għandu jkun li jħoll il-problema finanzjarja li poġġa fuq quddiem nett. Hi problema ewlenija bla dubju. Trid tingħata attenzjoni  kbira. Imma aktar essenzjali minnha se tkun il-ħtieġa li fost u bejn kull sezzjoni tal-partit jinbnew fiduċja u solidarjetà komuni, ma’ xulxin u f’xulxin.

Grech qed jingħata sal-elezzjonijiet Ewropej biex irendi riżultati aċċettabbli, żmien qasir wisq. Għal dak li hemm bżonn isir, għandhom jittieħdu numru ta’ inizjattivi kapillari mhux l-anqas fost l-għeruq tal-partit, li jridu ż-żmien tagħhom biex jiżviluppaw u jimmaturaw.

Biss Grech donnu lest jagħmilha aktar diffiċli l-ħaġa għalih innifsu. Diskors fi tmiem l-elezzjoni dwar kif l-għażla tiegħu kienet xi rebħa tal-imħabba fuq il-mibegħda jew tal-verità fuq il-gideb ma kienx postu f’mument meta ħtieġlu jxettel l-għeruq tal-isħubija mitlufa bejn it-tendenzi kollha tal-partit tiegħu.  

BLINKEN DWAR IĊ-ĊINA

Id-diskors tas-segretarju tal-istat Amerikan Anthony Blinken fl-Università ta’ Georgetown dwar iċ-Ċina kien konfuż u jikkonfondik. Hi ħaġa ċara li qed tinħema kompetizzjoni dinjija bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina. 

F’diskorsu, Blinken poġġa numru ta’ proposti dwar ir-realtà u l-għanijiet Amerikani li huma ambigwi, anke kuntradittorji. Kemm jorbtu flimkien biex jagħtu dehra koerenti dwar il-politika “Ċiniża” tal-Amerikani? Uħud mill-premessi tiegħu huma korretti – bħall-“ftuħ” tas-soċjetà Amerikana li jagħtiha  flessibiltà fit-tiġdid. Oħrajn – bħal kif l-Istati Uniti jikkonċepixxu l-kompetizzjoni ekonomika u kummerċjali – huma diskutibbli, jekk mhux foloz.

Fl-aħħar mill-aħħar, ikollok tikkonkludi li l-Istati Uniti huma determinati akkost ta’ kollox jibqgħu tal-ewwel fi kwalunkwe kompetizzjoni dinjija. Imma jsibuha diffiċli jammettu dan fiċ-ċar.

DUN KARM

Interessanti l-ħarġa tar-rebbiegħa ta’ Knisja 2000  magażin publikat mill-provinċja Dumnikana, bit-titlu “Dun Karm għadu rilevanti?” Fiha, b’mod siewi, numru ta’ kritiċi – l-aktar akkademiċi – jevalwaw il-kitbiet ta’ dun Karm minn perspettiva kontemporanja. Jidher li matul is-snin, l-apparat kritiku akkademiku f’apprezzament tax-xogħol tal-Poeta Nazzjonali baqa’ jirfina.

Madankollu tispiċċa bl-impressjoni int u taqra li l-fehmiet espressi baqgħu jirriflettu valuri kritiċi pjuttost “tradizzjonali” kif imfissra l-ewwel minn Ġuże Aquilina u wara modernizzati minn Oliver Friggieri.  Ħlief l-aktar fil-kitba ta’ Adrian Grima, ma tħossx li wara sittin sena minn mewtu, il-kitba ta’ dun Karm irnexxielha tqanqal distakk kritiku radikali li kien forsi jagħtiha spinta ġdida.

Il-kritika indirizzata minn Mario Azzopardi dwar id-“dun-Karm-li-messu-kien” ftit tinħass fil-ħarġa ta’ Knisja 2000 – għalkemm m’inix ngħid li Azzopardi kellu xi raġun sħiħ fid-denunzji tiegħu. 

Ekonomija

Sport