Monday, April 29, 2024

Karl Miggiani jistabbilixxi rekord nazzjonali tal-Ibburdjar minkejja kundizzjonijiet diffiċli

Aqra wkoll

Il-Malta Young Sailors’ Club illum ospita Windsurfing Round Malta Race, li kienet l-aħħar avveniment ta’ kwalifikazzjoni għall-avveniment li ġej tal-Foiling 100 fejn il-baħrin se jkunu qed jaqsmu minn San Pawl il-Baħar għal Ragusa.

Ħames baħħara – Jean Paul Fleri Soler, Karl Miggiani, Shaun Miggiani, Seb Ripard u Tom Zammit Tabona bdew it-tellieqa iktar kmieni dalgħodu fid-09:40 meta telqu f’korsa madwar Malta.

Il-kundizzjonijiet għall-ġurnata kienu iebsa bil-baħrin iltaqgħu ma’ kundizzjonijiet li kienu qedin jinbidlu ta’ spiss fejn raw l’imbatt li laħaq madwar 2.5metru u veloċitajiet tar-riħ li jvarjaw bejn  30 u 5 mili nawtiċi fis-siegħa. 

Karl Miggiani kien fuq quddiem għall-biċċa l-kbira tal-korsa, b’Jean Paul Fleri Soler – rebbieħ tal-ewwel tiġrija Windsurf Malta-Sqallija lura fl-1984, warajħ. Filwaqt li t-tnejn irnexxilhom jlestu l-korsa, il-kundizzjonijiet tat-temp fixklu l-progress tal-baħħara l-oħrajn b’Zammit Tabona jirtira qrib Benghajsa u Shaun Miggiani u Ripard jirtiraw qrib l-Armier. Dan meta r-riħ naqas għal kollox mingħajr l-ebda tama li kien ser jirnexxilhom jaslu lura lejn San Pawl il-Baħar.

Hu u jirrifletti fuq l-esperjenza tiegħu, Karl Miggiani irrimarka, “Il-medda ta’ 75 km kienet korsa ta’ sfida, li mhux biss titestja l-kundizzjoni fiżika tagħna iżda wkoll ir-reżiljenza mentali minħabba n-natura imprevedibbli bil-kundizzjonijiet li ffaċċjajna. Naturalment, is-sodisfazzjon tar-riżultat miksub illum huwa bla qies.”

Ir-rekord il-ġdid issa hu ta’ 3 siegħat, 46 minuta u 5 sekondi. Ir-rekord preċedenti, stabbilit fl-1995 minn Carmelo Abela kien ta’ 5 sigħat u 21 minuta. Ir-rekord tal-ibburdjar  madwar Malta minn jott – stabbilit minn Artie III ta’ Lee Satariano fl-2019 –  huwa ta’ 4 sigħat u 44 minuta.

Il-Malta Young Sailors’ Club issa qed jipprepara għall-avveniment Foiling 100, li huwa skedat li jsir bejn is-16 u d-19 ta’ Mejju u se jikkonsisti f’tellieqa ta’ 100km minn San Pawl il-Baħar sa Ragusa fi Sqallija.

Malta Young Sailors Club, esprimew il-gratitudni tagħhom lejn l-appoġġ ġeneruż ta’ sponsors u voluntiera fosthom Yachting Malta, Casamigos, bil-kortesija ta’ M. Demajo Wines & Spirit Ltd., u Visit Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport