Wednesday, March 27, 2024

KATTOLIĊI U JAPPOĠĠJAW L-ABORT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kattoliċi fil-politika li jappoġġjaw l-abort bħala prattika permessa mil-liġi għandhom ikunu sanzjonati mill-Knisja Kattolika, jekk fhimt tajjeb. Dan mid-dehra mhux qed japplika għal xi ħadd bħall-President Amerikan Joe Biden, li għalkemm Kattoliku xorta għamilha ċara li ma jaqbilx li l-abort għandu jitneħħa. 

Ma jidhirx li qed issir differenza għal jekk l-appoġġ għall-abort ikunx ġej minn konvinċiment personali tal-Kattoliku involut, jew jekk hux għax politikament il-qagħda li j/tieħu jkollha tirrifletti il-fatt li l-kariga li j/tkun qed j/tirrappreżenta tirrekjedi dan. Jidher li hekk qed jiġri fil-każ ngħidu aħna tal-President attwali tal-Parlament Ewropew Metsola.

Tibqa’ dejjem problema dik li wieħed jiddistingwi bejn responsabbiltà morali u dik politika. Problema tal-istess natura nħallet – jekk veru nħallet – bl-istruzzjoni: Agħti lil Alla dak li hu ta’ Alla u lil Ċesri, dak li hu ta’ Ċesri.  Il-problema tal-abort taħbat aktar komplikata minn hekk. 

Mhux se tinħall bil-kundanni u l-iskomuniki.

RISKJI TAL-INFLAZZJONI

Il-gvern Malti qed jagħmel tajjeb li jara kif jifga kemm jista’ d-deni tal-għoli tal-prezzijiet billi jbaxxih b’sussidji. Sa issa rnexxielu fl-għanijiet tiegħu waqt li baqa’ fil-limiti ta’ dak li hu marbut bih skont ir-regoli ta’ tmexxija tal-ewro. It-tkabbir tal-ekonomija Maltija baqa’ fost l-aktar inkoraġġanti fl-Ewropa.

Il-bużillis qiegħed fid-defiċit tal-finanzi tal-gvern, li hu fost l-ogħla fl-Ewropa. Mhux daqstant fid-dejn nazzjonali, li għalkemm żdied bil-qawwi għadu, imqabbel mal-ekonomija, fost l-anqas fl-Ewropa. Hu dan il-kejl li jorbot.

Kif wissa l-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-riskju hu li l-inflazzjoni ttawwal u l-istrateġija li biha l-għoli tal-prezzijiet qed jiġi fgat, issir wisq ta’ piż. Ukoll jista’ jiġri li l-poplu jidra wisq li qed jingħata lqugħ tajjeb u ma jrażżanx il-konsum tiegħu, skont il-ħtieġa

PENALTIES

Il-football hu logħba ta’ tim. Xieraq li tintrebaħ u tintilef b’ħidma ta’ tim.

Għalhekk ma nifhimx għaliex logħba qed tiġi deċiża kif qed tkun, f’każ fejn trid jew tintrebaħ jew tintilef. Meta żewġ timijiet jibqgħu ras’imb ras wara 90 minuta u nofs siegħa oħra magħhom ta’ logħob, jipproċedu għall-għoti ta’ penalties, li hi sfida bejn tnejn min-nies biss.

Qabel, il-logħba kienet terġa’ tintlagħab mill-bidu. Imma dan iħarbat il-programm ta’ ħidma ta’ kulħadd. 

Minflok, l-alternattiva messha tkun li l-ħin miżjud jibqa’ sejjer sakemm tim jagħmel il-gowl tiegħu. B’hekk, il-karattru tal-logbħa bħala waħda ta’ tim ikun qed jiġi rispettat. Imma, qaluli, dan jista’ jħarbat bil-kbir il-programmar tal-istazzjonijiet televiżivi! 

Xewqat ta’ Milied hieni u mill-isbaħ lill-qarrejja kollha ta’ talk.mt, lill-familji tagħhom u lil kull min jaħdem f’dal-qasam.

Ekonomija

Sport