Thursday, March 28, 2024

ARA: Jivvjaġġaw f’nofs pandemija, b’ikliet ta’ €5 u f’xifer ta’ gwerra

Jappellaw kontra preġudizzji fuq koppji mingħajr tfal minħabba definizzjoni wiesgħa ta’ “ssetiljati”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ta’ sikwit, minn etajiet żgħar ħafna jibdew jistaqsuna diversi domandi dwar l-aspirazzjonijiet u l-ħolm ta’ dak li jkun. Min jiffoka t-tweġibiet tiegħu fuq tgawdija u kuntentizza, min fuq karriera, min fuq investiment u min jaf kemm iżjed. Madwar sena ilu tkellimna mal-koppja Norbert u Steph wara li għamlu aktar minn 150 jum fuq safra li biex ngħidu hekk bdiet min destinazzjoni mhux magħrufa. Dan kien seħħ f’perjodu ta’ pandemija, iżda din ma kinitx l-unika avventura tagħhom, anzi kienet l-avventura li milli jidher wittitilhom it-triq għal min jaf kemm iżjed. 

F’intervista ma’ talk.mt, Norbert spjegalna li t-tmiem tal-ewwel avventura kienet l-iktar iebsa minħabba l-pandemija fejn saħansitra nqabdu f’ċertu lockdowns fost l-oħrajn fis-Slovakkja. Qal li ċertu problemi u żbalji saru fl-ewwel avventura u li ovjament fit-tieni waħda tagħhom kien hemm inqas problemi. Pereżempju fit-tieni vjaġġ tagħhom ħadu ħafna inqas affarijiet li ma ġewx bżonn fl-ewwel avventura u kellhom magħhom ċertu affarijiet bażiċi li nqabdu mingħajrhom meta kienu fuq l-ewwel avventura tagħhom.

Telqu negozju biex jitilqu b’one way ticket

Għal min qatt ma segwa lil dawn il-koppja fuq il-blog tagħhom ‘Wandering Beyond’, l-istorja tagħhom bdiet minn mument ta’ kompromess bejniethom biex jitilqu negozju li kienu fih qabdu u telqu fuq avventura li ma kinux jafu x’se toffri. Steph sostniet li wara dan kollu hemm diversi pilastri li jsaħħulek il-pjan. L-iktar ħaġa importanti hija li tiftakar li m’intix qiegħed waħdek u li trid tagħmel affarijiet li jogħġbu lit-tnejn. 

Spiża ta’ madwar €50 kuljum bejn tnejn

Staqsejna lill-koppja kemm għandek bżonn flus biex twettaq ċertu avventuri. Steph spjegatilna li hemm diversi modi kif tiffranka. Ovjament ma tistax tmur fuq avventura daqstant fit-tul u toqgħod taqbad it-taxis jew tiekol f’ristoranti. Hemm ċertu pajjiżi iva, bħal Moldova li bilkemm jaqbillek toqgħod tippropara għax b’madwar €5 kielu t-tnejn li huma. L-ikel tal-lokal jew li tixtri u ssajjar inti hija alternattiva oħra.

Spjegatilna li għalkemm jikkalkulaw li nefqu madwar €50 bejniethom kuljum, hemm drabi li kważi ma nefqu xejn u drabi oħrajn li nefqu ħafna iżjed. Għamluha ċara li ma tistax titlaq b’budget minimu għax ma tafx x’jista’ jmur ħażin, però hemm ħafna metodi kif tiffranka u toqgħod bilgħaqal. Barra minn hekk importanti li ma tispiċċax xi avventura fi kriżi ta’ ritorn pajjiżek mingħajr flus xejn fejn trid terġa’ tibda kollox mill-bidu.

Ħafna ħbieb li għamlu fl-Ukrajna jirrakkuntawlhom kif inbidel kollox

Wieħed mill-pajjiżi li żaru l-koppja kien l-Ukrajna, sa ġimgħat biss qabel faqqgħet l-invażjoni. Il-koppja qalitilna li żjara fil-pajjiż fuq avventura xi kultant tista’ tgħinek tapprezza kemm il-problemi ta’ pajjiżna huma fuq livelli ferm inqas ta’ tħassib. Norbert qalilna li xħin tibda tara dawk ix-xeni ta’ postijiet li għaddew minnhom bħal stazzjonijiet minn fejn kienu jaqbdu mezzi ta’ trasport mimlijin nies jistkennu mill-attakki mhix xi ħaġa sabiħa.

Barra minn hekk matul l-avventura tagħhom huma għamlu ħbieb ma’ diversi nies mill-pajjiż u ovjament ladarba tisma’ r-rakkont tagħhom huma u jgħidulek dwar il-kriżi li jinsabu fiha u l-fatti kif inhuma iktar jiddispjaċik. Spjega li hemm distinzjoni bejn dak li naraw fuq il-midja, u dawk l-esperjenzi ġejjin minn ċittadini li wara li aċċettawk fi djarhom spiċċaw jaħarbu minnhom biex isalvaw ġildhom.

Definizzjoni wiesgħa tal-kelma “tissetilja”

Mistoqsijin rigward il-ħafna persuni li jistaqsuhom dwar meta se jissetiljaw, Steph qalet li għalissa m’għandhom l-ebda ħsieb li jintrabtu minħabba li t-tnejn li huma qegħdin jaqblu li jgawdu kemm jifilħu u jduru kemm jista’ jkun pajjiżi. Min-naħa tiegħu Norbert sostna li wara kull avventura kellhom ħafna mistoqsijiet dwar meta se jissetiljaw. Qalilna li l-kelma tissetilja hija wiesgħa u ma tfissirx biss li tixtri d-dar, tiżżewweġ, tagħmel it-tfal jew tinġabar id-dar m’intx issetiljat f’relazzjoni stabbli. 

“Naħseb li hemm ċertu mod kif tistaqsi ċertu domandi. M’iniex qiegħed nitkellem għalina imma nweġġgħu f’isem ħaddieħor meta jistaqsuna meta se jkollna tfal jew meta se niżżewġu. Mhux il-każ tagħna, onestament, però min jaf jekk dawn il-mistoqsijiet li jagħmlu lilna humiex l-istess jew simili għal dawk li jsiru lil koppji oħra li forsi ilhom xhur jew snin jippruvaw għat-tfal u s’issa għadhom ma kellhomx ix-xorti minkejja diversi alternattivi anke f’pajjiżna biex din il-ħolma tagħhom titwettaq”, kompla Norbert filwaqt li appella biex kemm jista’ jkun dak li jkun jagħrbel ċertu ħsibijiet qabel ixerridhom mal-erbat irjieħ tad-dinja b’sempliċiment għafsa ta’ buttuna fuq il-midja soċjali. 

L-avventura li jmiss…

Rigward l-avventura li jmiss, il-koppja qalulna li qed jippjanaw avventura f’Jannar f’kontinent li Norbert qatt ma kien fih, iżda Stephanie ġieli kienet fih fil-passat. Wara hemm avventura fuq skala ikbar, iżda mhumiex fi stadju biex jikkonfermaw dwar dan.

“Il-pandemija naħseb għallmitna li ma tistax tagħmel pjanijiet minn issa għal sena oħra. Aħna nħobbu ngħixu mil-lum għal għada anke jekk illum naħseb lanqas tista’ tgħix mil-lum għal għada”, kompla jispjegalna Norbert filwaqt li kkonferma li l-mira qiegħda hemmhekk, hemm ġurnata partikolari imma li fl-istess waqt ma tistax tintrabat magħha.

Tkampa f’sitwazzjoni ta’ mard barra minn darek?

Minkejja li fir-ritratti mxerrdin mill-koppja hemm ħafna xeni tal-ħolm, kien hemm drabi fejn kienet diffiċli ħafna biex ikampaw. Steph qalitilna li minkejja li ma kellhomx sitwazzjoni serja, kien hemm każ fejn ma kienx jiflaħ Norbert. Kompliet tisħaq dwar il-bżonn li żżomm il-kalma filwaqt li spjegat li minkejja li qattgħu lejl imqajmin, kienu r-Rumanija, kellhom joħorġu minn fejn kienu viċin ħafna u sa nofsiegħa qabel ma kinux preparati biex jitilqu. “Tkun ma tiflaħx, ma tiflaħx u barra minn hekk ma tkunx f’darek jew f’pajjiżek iktar u iktar”, kompliet tgħidilna.

Kif jikkumparaw lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn?

Waħda mill-polemiċi f’pajjiżna fl-aħħar xhur kienet dik li skont statistika, persentaġġ sostanzjali ta’ żgħażagħ Maltin qalu li xtaqu jitilqu mill-pajjiż għax ma jarawx futur f’pajjiżna. Ma stajniex ma nistaqsux lil din il-koppja dwar kif iqabblu lil pajjiżna ma’ pajjiżi ferm ikbar minn tagħna li żaru fl-aħħar snin. Min-naħa tagħha Steph qalet li kontra qalbha hi ma tantx tħoss in-nuqqas ta’ pajjiżna u li bilkemm ma titnikkitx meta tkun se tispiċċa l-avventura li jkunu qegħdin fuqha għal numru ta’ jiem. Sostniet li l-fatt li pajjiżna kompla jiżdied fil-popolazzjoni u kull fejn tħares sirt tara numru ta’ krejnijiet hija xi ħaġa li ma tantx tista’ tiftaħar biha meta tkun qed titkellem dwar pajjiżek, il-pajjiż li trabbejt fih. 

Min-naħa l-oħra, Norbert qal li għalkemm sfortunatament kif jaf kulħadd inkluż l-awtoritajiet Maltin, hemm numru ta’ sfidi li pajjiżna jrid jindirizza biex iċ-ċittadin ma jibqax ibati minn ċertu deċiżjonijiet fosthom it-traffiku u l-karozzi li qed jiżdiedu b’ritmu allarmanti fit-toroq tagħna u anke l-infrastruttura tal-pajjiż u l-estetika tal-bini, hu jħoss xi ħaġa nieqsa meta jkun barra mill-pajjiż. Sostna li għalkemm tkun qiegħed tieħu l-massimu ta’ pajjiż b’kulturi u tradizzjonijiet differenti, f’pajjiżna li kulħadd jaf lil kulħadd hija xi ħaġa li hu jaraha bħala xi ħaġa pożittiva. Barra minn hekk f’pajjiżna għandek ċertu affarijiet li skontu huma mill-aktar sempliċi imma li f’pajjiżna ma tistax tgħix mingħajrhom bħalma hi dik il-kisra ħobż biż-żejt fil-kampanja inti u tilaq ix-xemx.

L-għaqal iċ-ċavetta biex tiġri wara l-ħolm tiegħek

Norbert u Steph qalulna li għal dawk li jsegwuhom jew li anke se jibdew isegwuhom grazzi għal din l-intervista, hemm ħafna iżjed x’jaraw fil-ġimgħat li ġejjin. Appellaw lil dawk kollha li dejjem xtaqu li jivjaġġaw fit-tul biex ma jaqtgħux qalbhom, joqogħdu bilgħaqal u jiġru wara l-ħolm tagħhom. 

“Is-sigriet huwa li tagħżel il-prijoritajiet f’ħajtek, ma tistax ikollok kollox, iżda jekk verament tixtieq xi ħaġa, se tagħmel minn kollox, anke tiċċaħħad minn ċertu affarijiet biex tagħmilhom realtà. Fil-każ tagħna li jkollna tfal għalissa żgur li kienet se tagħmilielna diffiċli biex nivjaġġaw f’ċertu kundizzjonijiet u għalhekk se nagħmlu minn kollox biex minn dan iż-żmien nieħdu l-massimu u ngawdu kemm nifilħu fil-pajjiżi li għandna f’moħħna li nżuru”, temmew jgħidulna.

Ekonomija

Sport