Niġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa fl-era diġitali

Aqra wkoll

Fil-25 ta’ Novembru, il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-Parlament Ewropew iddiskuta kif it-teknoloġiji diġitali jamplifikaw il-vjolenza sessista u jiffaċilitaw l-abbuż offline u online. Il-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-aktar vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u taffettwa mara minn kull tlieta fl-UE. Il-vjolenza sesswali taffettwa waħda minn kull sitt nisa fl-UE. Aktarx li dawn in-numri huma konservattivi peress li r-reat spiss ma jiġix irrappurtat.

L-intervent tiegħi fil-Parlament Ewropew iffoka fuq l-impatt tar-regolamenti Ewropej dwar it-teknoloġija diġitali. Sħaqt li l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar li japprofittaw b’mod sostanzjali mit-teknoloġija diġitali jridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom u jiżguraw li l-pjattaformi tagħhom ma jintużawx b’mod malizzjuż. Sħaqt ukoll li d-diversi regolamenti mfassla biex jipproteġu lin-nisa, inkluż aspetti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) li għandhom jidħlu fis-seħħ minn din il-ġimgħa li ġejja, jridu jiġu nfurzati. Fil-fatt minn din il-ġimgħa l-Att dwar l-IA se jinkludi projbizzjoni fuq l-użu ta’ “nudify apps” li jintużaw biex jitterrorizzaw u jirrikattaw ħafna nisa.  Id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika li trid tiġi mdaħħla fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru mhux aktar tard minn Ġunju li ġej tinkludi iktar protezzjonijiet kontra t-tixrid ta’ ritratti kompromettenti mingħajr kunsens.

Il-ħidma mwettqa s’issa kienet biss it-tluq fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.  Liġijiet antikwati bbażati fuq il-preżunzjoni li jekk mara ma tirreżistix tkun qed tagħti l-kunsens tagħha jridu jinbidlu għaliex qed iqegħdu lin-nisa f’periklu.  Ix-xjenza turina li l-iffriżar tal-ġisem, it-telf tal-memorja u d-dissoċjazzjoni huma lkoll risposti naturali għal atti ta’ vjolenza.  Għalhekk liġijiet li jistennew li mara tagħti deskrizzjoni dettaljata ta’ kif ippruvat tirreżisti sabiex isibu lil min stupraha ħati ma jagħmlux sens, u qed iwasslu sabiex bosta persuni ħatja ma jeħlux dak li ħaqqhom.  Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew ilu għal żmien twil isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tniedi liġi Ewropea li tagħmilha ċara li jekk mara ma tagħtix il-kunsens espliċitu tagħha, l-atti sesswali sfurzati fuqha għandhom jiġu meqjusa dejjem bħala stupru.

Bosta forom ta’ vjolenza li sseħħ fl-isfera diġitali jixraqilhom attenzjoni ikbar ukoll.  Is-cyberstalking, il-fastidju misoġinista kkordinat, u deepfakes ta’ natura sesswali ġġenerati permezz tal-IA huma eżempji ta’ prattiċi li jħallu ħsara kbira u jċaħħdu lin-nisa u t-tfal mis-sigurtà, il-privatezza u l-awtonomija tagħhom.  Investigazzjonijiet riċenti wrew li fora diġitali qed jintużaw sabiex jinxtered l-għarfien u l-ħiliet dwar it-twettieq ta’ atti illegali u mill-iktar oxxeni, bħall-iddrogar ta’ nisa sabiex ikun iktar faċli li jiġu stuprati.  Forma oħra ta’ vjolenza mwettqa permezz tat-teknoloġija hija l-użu ta’ smart glasses sabiex jiġu ffilmjati atti sesswali mingħajr il-kunsens tal-mara. 

L-abbuż fuq in-nisa jrid jieqaf immedjatament f’kull sura li jippreżenta ruħu.  Irridu niżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jirrapportaw l-abbuż bl-eħfef mod u jiksbu kull għajnuna meħtieġa sabiex il-privatezza tagħhom tiġi salvagwardjata.  Kontenut illegali ppublikat onlajn għandu jitneħħa fl-iqsar żmien possibbli.  Irridu naraw li l-atti sesswali li ma jitwettqux wara kunsens espliċitu bejn il-partijiet jibdew jiġu meqjusa dejjem bħala forma ta’ vjolenza.  Għal dan il-għan, il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qed jisħaq li l-iStati Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropeja għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.  Sabiex l-infurzar tal-liġi jkun effettiv jeħtieġ li jkollna pulizija u ġudikanti b’ħiliet speċjalizzati f’dan il-qasam.  Se nkompli naħdem bla heda biex id-drittijiet tan-nisa jkunu tassew drittijiet tan-nisa — mhux biss fuq il-karta, iżda fil-ħajja ta’ kuljum.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport