Wednesday, December 25, 2024

KBAR MAŻ-ŻGĦAR

Aqra wkoll

Kemm jagħmel sens li ż-“żgħar” jittrattaw/jikkompetu mal-“kbar” – fl-isport? fl-ekonomija? fid-diplomazija?

Bil-fomm, kulħadd jgħid li komunitajiet/ġnus “żgħar” għandhom jingħataw l-istess spazju u kunsiderazzjoni daqs il-“kbar”. Fir-realtà, ta’ spiss naraw li dal-prinċipju jiġi mdgħajjef jew imħaddem b’mod li malajr jiskarta liż-“żgħir”.

Għax fir-realtà hemm ukoll ġustizzja fil-mistoqsija: Għaliex “ftit” nies għandu jkollhom vuċi daqs minn hu ħafna aktar numeruż minnhom? Aktar jew aktar meta, bħal ma ta’ spiss jiġri fl-isport, l-inkontru bejn kbir u żgħir jinħass bħala ħala ta’ ħin b’riżultati prevedibbli u bla wisq interess.

Politikament fl-Unjoni Ewropea dawn il-ħsibijiet qed jitqajmu għalkemm mhux daqstant ċar. Qed jintqal li ċerti deċiżjonijiet li jridu jittieħdu ma jistgħux jinżammu lura minħabba l-veto tal-“ftit”. Aktar u aktar jekk se jiddaħħlu membri ġodda fl-Unjoni.

Deċiżjonijiet ewlenin, anke strateġiċi għandhom jibdew jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata. Bla dubju ta’ xejn, miżura hekk iddgħajjef is-sehem taż-“żgħar” anke waqt li nibqgħu nipproklamaw l-ugwaljanza bejn il-ġnus.

L-ELEZZJONIJIET EWROPEJ

Telqet il-mixja lejn l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024. F’Malta kif jidhru l-affarijiet bħalissa, l-isfida quddiem il-partiti hi kemm se jirnexxilhom joħorġu lis-sostenituri biex jivvotaw. In-naħa li jirnexxielha l-aktar trażżan l-astensjoniżmu tmur l-aħjar.

F’pajjiżi oħra b’sistema ta’ elezzjoni differenti minn tagħna, l-emfażi hu t-tħejjija tal-listi ta’ kandidati tal-partiti. Min jitpoġġa ’l fuq fil-lista, għandu l-aħjar ċans li jiġi elett. Hemm diġà deputati li jafu żgur li se jerġgħu jitilgħu għax ingħataw l-ewwel post fil-lista tal-partit tagħhom.

L-akbar ħrafa li smajt sa issa fuq dawn l-elezzjonijiet ivvintaha l-President Franċiż Macron. Issuġġerixxa li jinħolqu numru ta’ kostitwenzi magħmula b’parti minn pajjiż magħquda ma’ parti minn pajjiż ieħor. Per eżempju biċċa minn Malta (jew Malta kollha) ma’ parti mill-Kroazja. Nibqa’ ngħid: din ġennata.

L-IMPJANT TAL-ELECTROGAS

Il-laqgħa li Joseph Muscat kellu mal-kumitat tal-kontijiet publiċi tal-Parlament Malti l-ġimgħa li għaddiet serviet żgur għal ħaġa waħda. Lil hinn mir-rapporti ta’ skandli, veri jew le, dwar l-impjant tal-Electrogas tfakkar kif l-impjant bidel għal kollox ix-xenarju tal-provista tal-elettriku fil-pajjiż.

F’Malta il-wasla tiegħu tħabbret bħala tnaqqis fil-prezz tal-enerġija fil-pajjiż imma l-effett kien aktar profond minn hekk. L-Enemalta kienet finanzjarjament mfarrka u qed tiġbed magħha ’l isfel il-finanzi tal-gvern. Kienet ilha hekk sa minn qabel l-elezzjoni tal-2008 u baqa’ ma sar xejn dwar dil-biċċa taħt l-amministrazzjoni Gonzi.

Malli twettaq il-ftehim tal-Electrogas din l-istampa nbidlet għal kollox. Il-finanzi tal-gvern irkupraw. Biżżejjed wieħed jaqra r-rapporti dwar Malta li kien joħroġ dak iż-żmien il-Fond Monetarju Internazzjonali biex isegwi kif l-istampa nbidlet kważi mil-lejl għan-nhar.

Ekonomija

Sport