Friday, April 24, 2026

‘Kburi li wassalna l-Under 21 tal-Mgarr United fl-ogħla livell’  – Kurt Baldacchino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif tiddeskrivi dawn is-sentejn bħala kowċ tal-Under 21 ta’ Mgarr United FC?

Kienu sentejn sbieħ ħafna, forsi iktar milli stennejt.  L-Under 21 hija kategorija partikolari għax il-plejers ikollhom ħafna impenji u distrazzjonijiet barra mill-futbol, apparti li trid tiddependi ħafna mit-tim tal-kbar. Peró, sibt disponibiltá kbira mill-plejers kollha u mill-kowċis li ħdimt magħhom, u rnexxielna nirbħu żewġ kampjonati bla telfa u konsegwentament żewġ promozzjonijiet konsekuttivi, minn Sezzjoni C għal Sezzjoni A. Kburi li wassalna l-Under 21 tal-Mgarr United fl-ogħla livell tal-futbol Malti.

Kemm kienu diffiċli dawn iż-żewġ kampjonati mirbuħa?

L-istaġun li għadda, meta konna qed nikkompetu f’Sezzjoni C, mal-ewwel emmint li kapaċi niġu promossi għax kellna kwalitá tajba għal dak il-livell. Peró, din is-sena t-tragward kien li nsalvaw u żgur li ħadd ma basar li konna se nirbħu Sezzjoni B bla telfa. Tlifna numru ta’ plejers importanti mill-istaġun li għadda, u ridna nikkompetu kontra timijiet li huma stabbiliti f’Sezzjoni A jew għandhom l-iskwadra tal-kbar tagħhom fil-Premier. Għall-bidu ma kontx qed nistenna dan is-suċċess, imma meta bdiet tasal rebħa wara l-oħra, għamilna minn kollox biex nibqgħu hemm fuq, u hekk ġara.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

L-istagun li ġej huwa opportunitá tad-deheb biex l-Mgarr United jerġgħu jattiraw żgħażagħ ta’ talent. Dawn is-sentejn ingħataw opportunitá numru ta’ plejers tal-Under 21 fl-iskwadra tal-kbar, u issa nemmen li dak in-numru jista’ jikber. Ix-xewqa hija wkoll li l-Mgarr United jistabilixxu lilhom infushom f’Sezzjoni A għas-snin li ġejjin.

Matul dan l-istaġun qattajt l-aħħar erba’ xhur bħala kowċ tal-kbar ukoll. Kif kienet l-esperjenza?

Kienet esperjenza sabiħa fejn tgħallimt ħafna, kemm mill-mumenti pożittivi u anke dawk negattivi. Il-bidu kien wieħed eċċellenti b’riżultati u prestazzjonijiet sbieħ. Imma numru ta’ injuries, fosthom tal-aqwa skorer fl-aħħar tliet logħbiet tal-ewwel rawnd waqqfuna milli nagħmluha mal-ewwel tmienja għal punt wieħed biss. Peró, salvajna kmieni ħafna u b’hekk l-Mgarr United se jerġgħu jikkompetu fiċ-Challenge League.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport