Minn Cristian Muscat
‘King Billy’ – hekk laqqmu lill-kowċ veteran ta’ 75 sena, Billy Mock, il-partitarji numerużi ta’ Zebbug Rangers wara li rnexxielu jżomm lil dan it-tim fil-BOV Challenge League … u dan wara li meta ħa t-tmun tat-tim, f’nofs Diċembru li għadda, il-probabiltajiet li Zebbug iżommu posthom fiċ-Challenge League kienu qed jidhru ferm remoti.
Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Billy Mock innifsu fejn tana iktar dettalji:
“Meta ħadt f’idejja lil Żebbuġ Rangers f’nofs Diċembru li għadda, ħafna kienu diġà qatgġu qalbhom mill-fatt li t-tim seta’ jsalva .. hekk kif kienu kisbu punt wieħed biss minn 10 logħbiet u kellhom differenza ta’ gowls ta’ -28.
Imma kont f’din is-sitwazzjoni qabel, u kont naf ħaġa waħda: sakemm ikun hemm it-twemmin fit-tim, xejn mhu impossibbli.
Il-waqfa internazzjonali tatni ħin biex nosserva, naħseb, u nipprepara. Mill-ewwel jum, il-missjoni kienet ċara – mhux biss li ntejbu r-riżultati, iżda li nibnu mill-ġdid it-twemmin fit-tim, nibdlu l-kultura, u nagħtu lill-plejers identità ġdida.
Ħdimna bla heda. Il-kumitat appoġġja l-viżjoni, ġew introdotti plejers ġodda, u bnejna tim li seta’ jirrifletti l-istil tagħna: kuraġġ, intensità, u dixxiplina.
Il-punt ta’ bidla ma kienx biss tattiku … kien mentali. Wara żewġ rebħiet mill-aqwa f’logħbiet ta’ ħbiberija u clean sheet kontra Santa Lucia, xi ħaġa nbidlet. Il-plejers bdew jemmnu. L-intensità tat-taħriġ laħqet livell ieħor. Sirna tim.
B’filosofija ċara ta’ 4-3-3, pressing għoli, u impenn f’kull mument, il-plejers ġġieldu bħal gwerriera u qatt ma qatgħu qalbhom. Ġimgħa wara ġimgħa, bqajna aktar b’saħħitna. Il-prestazzjonijiet tjiebu, ir-riżultati ġew, u f’daqqa waħda, l-“impossibbli” ma deherx daqshekk ’il bogħod. U fl-aħħar, irnexxielna. Zebbug Rangers baqgħu fiċ-Challenge League.
Din il-kisba tappartjeni lil kulħadd – il-president, il-kumitat, l-istaff, u speċjalment il-plejers. Huma urew qalb, karattru, u twemmin .. biddlu sitwazzjoni mitlufa fi storja ta’ reżiljenza!


