Friday, April 24, 2026

Jitlesta x-xogħol fl-Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità f’Ħ’Attard u riesaq lejn tmiemu r-rinovar estensiv fl-Għassa tal-Ħamrun 

Aqra wkoll

Sal-aħħar ta’ Mejju se tkun qed terġa’ tinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku l-Għassa tal-Ħamrun, hekk kif ix-xogħlijiet ta’ rinovar estensiv li ilhom għaddejjin mill-2024, issa waslu fi tmiemhom. 

Ix-xogħlijiet f’din l-għassa kienu jinkludu fost oħrajn twaqqih u rinovar ta’ soqfa, kif ukoll ftuħ ta’ ħitan diviżorji, flimkien ma’ ftuħ ta’ bibien u twieqi ġodda. Dan flimkien ma’ sistema ta’ dranaġġ u installazzjoni ta’ ilma u elettriku kompletament ġodda. 

Ġew inklużi wkoll sistemi ta’ ventilazzjoni inkluż arja kkundizzjonata, madum, suffetti, aperturi u għamara ġodda. Bħalissa għaddej ukoll ix-xogħol ta’ rinovar fuq il-faċċata tal-imsemmija għassa. 

Dan ix-xahar mistenni jitlesta wkoll ix-xogħol ta’ rinovar fl-Uffiċċju għall-Pulizija tal-Komunità f’Ħ’Attard. Ix-xogħol f’dan il-post beda fil-bidu tas-sena li għaddiet, fejn sar rinovar estensiv, kif ukoll installazzjonijiet ta’ elettriku, arja kkundizzjonata u għamara ġdida fost l-oħrajn. 

Dan il-post ġie mgħammar ukoll b’charging point għall-vetturi elettriċi li jintużaw mill-Korp. Dawn l-investimenti ġew jiswew total ta’ iżjed minn €740,000 (€660,000 fil-Ħamrun u €80,000 f’Ħ’Attard) u jsegwu sensiela ta’ rinovazzjonijiet estensivi fl-Għases tal-Pulizija li tlestew fl-aħħar snin fosthom fil-Gżira u r-Rabat u Għassa ġdida f’Wied il-Għajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport