Friday, April 24, 2026

‘Nemmen li l-għaqda u l-motivazzjoni li għandu dan it-tim huma indeskrivibbli’ – Clint Wells

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ħafna. Trabbejt il-Belt u kemm id-dar kif ukoll ġot-toroq, ħlief fuq il-futbol u t-tim tal-Belt ma tismax.

Barra minn hekk missieri minn etá żgħira ħafna kien itellagħna l-grawnd naraw il-Belt jilagħbu. Iżda l-imħabba speċifikament għall-irwol ta’ goalkeeper bdiet meta kont għadni żgħir ħafna.

Waqt li kulħadd kien irid jiskorja l-gowls, jien kont naffaxxina ruħi meta nara l-goalkeepers jintefgħu minn tulhom biex iwaqqfuhom. Dik l-adrinalina li tagħtik meta tagħmel save kruċjali, u r-responsabbiltá li tkun l-aħħar linja tad-difiża, ġibduni lejn din il-logħba.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.

Huwa privileġġ kbir u responsabbiltá enormi. Valletta FC huwa klabb bi storja enormi u l-aspettattivi huma kbar, klabb li jitlob l-eċċellenza u mibni fuq mentalitá rebbieħa.

Bħala kowċ tal-goalkeepers, ir-rwol tiegħi huwa li naċċerta li l-goalkeepers tagħna jkunu ppreparati sew, għal-logħob li jkollna, kemm fiżikament, tattikament u speċjalment mentalment.

Huwa ta’ sodisfazzjon enormi li taħdem ma’ dawn iż-żgħażagħ b’talent hekk kbir u tgħinhom jikbru fil-logħba tal-futbol.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat ta’ Sezzjoni A tal-Kampjonat tal-Minors minn Valletta FC?

Nemmen li l-għaqda u l-motivazzjoni li għandu dan it-tim huma indeskrivibbli. Problemi jinqalgħu bħalma jkollu kull tim, peró l-ambizzjoni u l-kwalitá ta’ dawn il-plajers jghinu biex jinghelbu kull ostaklu.

Barra min hekk l-investiment li l-klabb għamel fl-għażla tal-kowċ Alessandro Piscina kienet waħda fundamentali, għar-raġuni li bl-esperjenza tiegħu rnexxielu jdaħħal idenditá lil dan it-tim fejn mill-bidu deher li se nkunu minn tal-ewwel.

Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?

Huwa assolutament is-sinsla ta’ kull sport. Għall-goalkeepers b’mod speċjali, il-grassroots huwa fejn nibnu l-mekkaniżmi fundamentali, teknika u għarfien tattiku. Imma lil hinn minn dan kollu, huwa fejn nibnu l-karattru li fl-aħħar mill-aħħar jinġarr tul il-ħajja tal-individwu.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

L-għan ewlieni tiegħi huwa li nkompli nipproduċi goalkeepers tal-ogħla livell li jkunu lesti biex jidħlu mingħajr problemi fl-iskwadra tal-kbar u fit-tim nazzjonali tagħna. Personalment, dejjem infittex li ntejjeb il-livell ta’ kowċing tiegħi, metodoloġiji tal-kowċing u studji kemm moderni kif ukoll adattament għall-goalkeepers tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Tibżax tidħol ġol-grawnd, jekk tħossok miġbud lejn il-lasti, idħol għall-isfida li ġġib magħha din il-pożizzjoni. Qatt tħalli l-biżá żżommok lura. Kull plejer kbir u goalkeeper leġġendarju kellu logħob ħażin, peró dejjem ħadmu biex l-iżball ma jiġix irrepetut. Kollox jiddependi minn kif tirreaġixxi, tgħallem mill-iżball tiegħek, kun kuraġġuż, ikkomunika ma ta’ madwarek u fuq kollox, gawdi l-emozzjonijiet sbieħ li ġġib magħha l-logħba tal-futbol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport