Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes qal li riċentament kien hemm każijiet fejn persuni li jirrisjedu fi proprjetà tal-Gvern ma ridux iħallsu l-kera “għax jippretendu li tal-Gvern kollox b’xejn”.
“Dan huwa abbuż. Għax mhux biss il-Gvern qed jagħtik kirja sussidjata, imma li ma tħallasx il-kera huwa abbuż. Għaldaqstant jittieħdu l-passi neċessarji biex il-Gvern jirkupra l-ftit flus dovuti lill-Istat biex jerġa’ jirriġenerahom f’għajnuna soċjali imma wkoll jagħmel minn kollox biex dawn il-persuni jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom,” qal il-Ministru Galdes fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.
Huwa semma wkoll kif riċentament ittieħdu passi fuq persuni li allegatament kienu qed joffru xi għajnuna ‘l barra minn dak li jista’ joffri l-Istat partikolarment ma’ ħlas. Qal ukoll li kien hemm rapporti ta’ nies li jiżgassaw biex jidħlu f’appartamenti tal-Gvern u minn hemm jiskatta l-proċess biex isiru l-ispezzjonijiet neċessarji u eventwalment iwassal għall-ħruġ tal-persuni li jkun qed jirrisjedi illegalment f’dik il-proprjetà.
Il-Ministru Galdes kompla jispjega li kien hemm każijiet ta’ abbuż ta’ sustanzi minn proprjetajiet tal-Istat u b’hekk kellhom jittieħdu l-passi li kienu meħtieġa. Huwa temm jgħid li l-Ministeru erba’ snin ilu ħoloq freephone biex persuna tkun tista’ tirrapporta kull tip ta’ abbuż mill-proprjetà pubblika tal-istat li tintuża għal skop ta’ housing soċjali.