Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?
Jien minn dejjem kelli l-imħabba lejn l-isport. Minn etá ta’ sitt snin bdejt nilgħab il-basketball mal-iskola u mill-età ta’ 15-il sena bdejt il-handball. Tħajjart li nibda nipprattika l-handball għax kien ikun hemm taħriġ wara l-ħin tal-iskola u kont narahom sakemm kont immur id-dar. Fis-sajf għamilt kuraġġ u tkellimt ma’ waħda li kienet tittrenja biex nieħu aktar informazzjioni fuq il-handball u kienet qaltli li kienet ma’ tim jismu Kavallieri u li kienu se jibdew jittrenjaw fis-sajf għal staġun ġdid. Għamilt il-kuraġġ u mort għall-ewwel sessjoni ta’ taħriġ il-Mosta u ma jiddispjaċini xejn li kont għamilt dak il-pass.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Kavallieri HC sa issa.
Kelma waħda nista’ ngħid għall-esperjenza tiegħi ma’ Kavallieri HC: straordinarja. Ma jiddispjaċini xejn li ghaxar snin ilu bdejt nilgħab ma’ dan it-team. Sirt naf kemm hija ħaġa sabiħa li tagħmel teamwork ma’ sħabek il-players, għax rajt kemm taħdem u tgħin fil-logħob u hija ħaġa sabiħa li jkun hemm komunikazzjioni bejn it-team biex dejjem tipprova ssaħħu. Ukoll, il-kowċ Twanny Xuereb kien il-kowċ tieghi mat-tim ta’ taħt is-17-il sena u dejjem kien jagħtini parir ta’ kif nista’ nkun aħjar. Aktar ma għadda żmien, tlajt mat-tim fit-Tieni Divizjoni u ftit wara fl-Ewwel Diviżjoni u kienet esperjenza sabiħa li tilgħab mal-kbar ukoll titgħallem waqt il-logħob. Minn mindu bdejt s’issa, Kavallieri kiber bħala tim u bħala familja. L-għaqda li hemm bejn kulħadd hija wisq sabiħa. Kulħadd hemm għal xulxin biex nkunu ahjar. Niltaqgħu fuq barra, nagħmlu ‘games night’, ‘secret santa’ u aktar. Nistqarr li ninsab vera kuntenta li qiegħda mal-Kavallieri u naf biċ-ċert li fadalli żmien twil ma’ dan it-tim.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-aħħar kampjonat minn Kavallieri HC?
Is-sigriet ta’ din ir-rebħa hija l-għaqda u l-komunikazzjoni. Bħala tim dejjem konna magħqudin u dejjem iddskutejna x’nistgħu nagħmlu biex nitjiebu, imma aktar ma għadda żmien, aktar issaħħaħna. Indunajna li aħna kapaċi nwettqu x-xewqa li nirbħu l-Kampjonat tan-Nisa tal-Kbaru għalhekk tħarriġna u stinkajna kemm stajna.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-handball.
Hija ħaġa sabiħa meta taf tkun li tkun intgħażilt mat-tim nazzjonali. Avolja, inkunu plejers ġejjin minn klabbs differenti, mal-ewwel insiru komdi b’xulxin u niftiehmu wkoll bħala tim. Hija esperjenza sabiħa ħafna meta tkun taf li tkun qed titgħallem il-handball aktar fid-dettall u livell aktar għoli. Din is-sena kien hemm opportunita biex nipparteċipaw fil-‘European Handball Federation EURO 2026 Qualifiers’, il-Bulgarija. Konna fil-grupp mal-Litwanja u l-Bulgarija. Avolja ma tlajniex għal rawnd ieħor, tista’ tgħid li esperjenzajt xi ħaġa differenti li tista’ tibqa’ tiftakarha tul ħajtek kollha.
Kif tqis il-livell tal-handball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
F’dawn l-għaxar snin li ili f’dan l-isport, nista’ ngħid li iva, il-livell tal-handball mexa ‘l quddiem. Matul is-snin kienu żdiedu timijiet taż-żgħar U13 ukoll u tournamentstal-U8 u U10. Bis-saħħa ta’ dawn it-tournaments, it-tfal jibdew jippratikaw il-handball minn etá żgħira biex ‘il quddiem ikunu senior players tal-futur tagħna. Peró, nemmen li għad hemm ħafna xi jsir. Bħala pajjiżi oħrajn, dan l-isport huwa professjonali. Nemmen li l-handball f’Malta jista’ jikber u jkun livell għoli bħall-futbol u l-waterpolo li dawn il-plejers jitħaslsu, u wkoll ikun il-full-time job tagħhom. B’hekk nitjiebu għax inkunu nistgħu niffukaw aktar ħin fuq l-isport u nikkompetu aħjar ma’ timijiet barranin. B’dan il-mod, jibdew jitħajru aktar nies biex jippratikaw dan l-isport u l-livell tal-handball jiżdied specjalment f’tan-nisa.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat tagħkom?
Fis-snin ta’ qabel kien hemm il-University Sports Hall u l-Cottonera Sports Complex. Il-University Sports Hall jintuża għal ħafna tipi ta’ sport ieħor bħal table tennis, futsal, badminton u jintuża mill-istudenti tal-Universitá ta’ Malta u minn SportMalta wkoll. Issa wkoll għandna l-Hamrun Pavillion grazzi għall-Ministru tal-iSport, l-Onor. Clifton Grima, li sar dan il-proġett li sewa €2.5 miljun. B’hekk nistgħu ngħidu li għandna handball court biex inkunu nistgħu nitħarrġu aktar fuq dan l-isport ukoll u nilagħbu loghob tan-nazzjonal f’Malta.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-handball?
Nista’ ngħid li kull sena żviluppajt biex inkun nista’ nagħti l-100% tiegħi fil-logħob. Fil- bidu dejjem xtaqt li nintgħazel man-nazzjonal, għalhekk iffukajt biex nuri li jien kapaċi nasal u infatti ġejt magħżula ħafna drabi. Għall-futur, irrid li nibqa’ nitgħallem u nagħti l-aqwa prestazzjoni possibli tiegħi għat-tim tiegħi. Nemmen li nista’ nkun plejer vera importanti għal dan it-tim kif ukoll fit-tim nazzjonali. Il-pożizzjoni tiegħi bħalissa hija dik ta’ pivot fejn ksibt suċċess. Ukoll, qiegħda noqgħod winger u nħoss li nista’ nagħmel żvillupp sew f’din il-pożizzjoni għat-tim tiegħi. Nemmen li b’aktar prattika nista’ nagħmel aktar suċċess biex nirbħu aktar kampjonati għall-Kavallieri HC.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-handball.
Qatt m’għandek tibża’ tagħmel xi ħaġa ġdida f’ħajtek. Fejn taf ? Forsi tkun l-aqwa deċiżjoni lit kun ħadt. Dejjem agħmel kuraġġ u taqtax qalbek jekk trid tipprova xi ħaġa differenti. Isma’ minn min iridek tkun aħjar u anke minn min hu aħjar minnek, agħmel kuraġġ bihom u dejjem emmen fik innifsek li se jirnexxielek tasal – b’hekk tista’ timxi ‘l quddiem u tasal f’liema livell tixtieq fil-handball. Dejjem se ssib lil xi ħadd li ma jemminx fik jew li jixtieqlek id-deni – lil dawn in-nies urihom li tabilħaqq għandhom żball u urihom min tassew int. Fil-ħin tal-handball, insa kull problema li għandek u ffoka fuqek innifsek u dak li tkun se tagħmel. Ukoll, kun eċitat li dħalt fil-court tal-handball – għadek ma tafx kemm hu sabiħ dak li tħoss ġewwa qalbek! Nerġa’ ngħid – dejjem agħmel il-kuraġġ u taqta’ qalbek qatt!